Agħti u Tirċievi

AGĦTI U TIRĊIEVI

Kien jismu Fleming u kien bidwi Skoċċiż vera fqir. Darba, waqt li kien qed jipprova jaqla’ ftit flus għall-familja, sema’ karba ġejja minn foresta. Tefa’ l-għodda mal-art u ġera lejn il-foresta. Hemmhekk sab tifel mwerwer, li kien nofsu f’għadira fonda ta’ tajn, iwerżaq biex ifittex jeħles lilu nnifsu. Il-bidwi salva lit-tifel minn xi mewta tal-biża’.

L-għada, ġiet karozzella ħdejn fejn kien dan il-bidwi. Raġel pulit ħareġ mill-karozzella u introduċa lilu nnifsu bħala missier dak it-tifel li kien salva l-ġurnata ta’ qabel. “Nixtieq inħallsek talli salvajtli lil ibni.”

“Le, ma nistax nieħu flus għal dak li għamilt. Dak li kont żgur nagħmel biex insalva lil ibni, għamiltu ma’ ibnek.” wieġeb il-bidwi. Dak il-ħin ir-raġel pulit ra lit-tifel tal-bidwi u staqsieh: “Dak ibnek?” “Iva” wieġeb il-bidwi. “Mela ħalli ngħidlek x’nagħmlu. Ħallini nieħu t-tifel biex  ntih edukazzjoni tajba. Jekk dan it-tifel jixbah tassew lil missieru, għandu jikber u jsirraġel ta’ min jiftaħar bih.”

U hekk għamel. Wara ftit taż-żmien, it-tifel iggradwa minn St. Mary's Hospital Medical School f’Londra, u sar maghruf madwar id-dinja bħala Sir Alexander Fleming, dak li skopra l-Penicillin, il-mediċina famuża li kellha tfejjaq miljuni ta’ morda.

Snin wara, iben ir-raġel sinjur, qabditu infezzjoni qawwija fil-pulmun. X’kien li salvah? Il-Penicillin. Isem ir-raġel sinjur kien Lord Randolph Churchill u ibnu kien l-istess Sir Winston Churchill, il-prim ministru li mexxa l-Ingiltera tul it-tieni gwerra dinjija.

Ġesù kien jafha din il-verità meta qalilna: “Agħmlu mal-oħrajn kif tixtiequ li jagħmlu magħkom… għaliex bl-istess kejl li tkejjel, hekk ikun imkejjel lilek.” Luqa 6:38


Back to overview

facebook youtube twitter flickr