Another fine Maltese Jesuit!

Christopher Vella SJ
(Photo by Fadi George)

On Saturday 21st April, Maltese Jesuit scholastic Christopher Vella was ordained deacon in the Society of Jesus by Mgr Jean-Claude Hollerich in Paris at the church of St Ignatius in Paris, together with 10 other young men from around the world.

We asked Chris to share a few thoughts with us, in anticipation of this special day. Please scroll down to view images from the day.

'Fil-21 t’April se niġi ordnat djaknu fil-knisja ta’ Sant’Injazju f’Pariġi flimkien ma’ għaxar Ġiżwiti oħra minn pajjiżi differenti. Pass importanti fil-mixja tiegħi bħala Ġiżwita; pass fejn id-deċiżjoni li nkun ta’ servizz lill-poplu t’Alla se tieħu dimensjoni ekkleżjali. L-isqof, bit-tqegħid tal-idejn tiegħu fuqna se jikkonfermana f’dan is-servizz tal-Knisja.

Il-kliem “djakonat” u “djaknu” ġejjin mill-kelma griega 'diakonos', li tfisser qaddej. L-istituzzjoni ta’ l-ewwel djakni nsibuha fil-ktieb tal-Atti kapitlu 6:

Dan il-kliem għoġob lill-ġemgħa kollha; u għażlu lil Stiefnu, bniedem mimli bil-fidi u bl-Ispirtu s-Santu, lil Filippu, lil Prokoru, lil Nikanor, lil Timon, lil Parmena, u lil Nikola, prosèlita minn Antijokja. Lil dawn ressquhom quddiem l-appostli, li talbu u qiegħdu idejhom fuqhom.” (Atti 6, 5-6)

Xi tfisser għalija l-ordinazzjoni djakonali? L-ewwel ħsieb li ġieni f’rasi meta bdejt naħseb dwar dan hu li d-djakonat hu pass intermedjarju għall-ordinazzjoni presbiterali. U peress li ż-żmien bejn iż-żewġ ordinazzjonijiet hu qasir, kelli t-tentazzjoni li nikkunsidra d-djakonat sempliċement bħala stadju temporanju, b’importanza mhux daqshekk kbira. Però llum naħsibha mod ieħor. L-ordinazzjoni presbiterali ma’ tħassarx l-ordinazzjoni djakonali; il-presbiterat jżid xi ħaġa mad-djakonat mingħajr ma jeħodlu postu. Anzi ngħid iktar minn hekk: il-presbiterat jitlef il-veru sens tiegħu mingħajr id-dimensjoni djakonali. Jekk il-presbiteru jinsa li l-ewwel u qabel kollox hu djaknu, qaddej, hemm ċans qawwi li dak li jagħmel ma jagħmlux verament għall-Knisja u għall-poplu t’Alla l-Ħallieq. Infatti San Pawl appostlu iqis lilu nnifsu djaknu kif kiteb fl-ewwel ittra lill-Korintin:

U min hu Apollo? Min hu Pawlu? Huma l-ministri (diakonoi) li permezz tagħhom intom emmintu u kull wieħed minnhom skond ma’ tah il-Mulej. Jiena ħawwilt, Apollo saqqa, imma Alla hu li kabbar.” (1Kor 3,5-6)

U x’tip ta’ servizz aħna msejħin nagħtu? Dan jista’ jvarja ħafna skond is-sitwazzjoni ta’ kull wieħed imma l-ewwel u qabel kollox aħna msejħin biex inkunu nkunu ma’ Ġesù: “Tela' fuq l-għolja u sejjaħ lejh lil dawk li ried. Huma resqu lejh, u għażel tnax li semmiehom appostli biex jibqgħu miegħu…” (Mk 3,14). M’hemmx servizz li aħna nistgħu nagħtu mingħajr Kristu; m’aħna xejn ħlief kollaboraturi ta’ Kristu.

Servizz importanti li d-djaknu, il-presbiteru u l-Knisja kollha, lajċi nkużi, aħna msejħin nagħtu hu li niftħu għajnejna għas-sinjali taż-żminijiet u li ninterpretawhom skond id-dawl tal-Vanġelu, biex inkunu nistgħu nirrispondu b’mod adatt għall-mistoqsijiet eterni u profondi tal-bniedem dwar is-sens tal-ħajja preżenti u fuq ir-relazzjonijiet reċiproki (ara Gaudium et Spes 4§1).

Biex inkunu veru ta’ servizz għall-Vangelu, hemm bżonn li naraw il-bżonnijiet tad-dinja tal-llum u nisimgħu l-karba ta’ dawk li huma fil-bżonn u nirreaġixxu skond l-Ispirtu tal-Vangelu, l-Ispirtu ta’ Ġesù Kristu, li għadu jaħdem sal-llum għax, kif wegħdna hu: “Jien magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.” (Mt 28,20)
 

facebook youtube twitter flickr