Is-Sena tal-Volontarjat

Is-sena tal-Volontarjat!

Din is-sena l-Ewropa qed tiċċelebra il-fatt li miljuni ta’ nies jaħdmu b’xejn f’għaqdiet, għall-oħrajn jew għal xi għan partikolari. Hawn Malta ukoll imberkin b’ħafna voluntiera li jaħdmu fil-qasam soċjali, reliġjużi u kulturali. Għaliex tagħmel xi ħaġa mingħajr ma tieħu xejn minna? Staqsejna lil sitt żgħażagħ din il-mistoqsija!

Franklin u Maria għaddew sitt xhur l-Etjopja ma’ tfal orfni

Franklin: Permezz ta’ din l-esperjenza ta’ volontarjat skoprejt il-veru valuri fil-ħajja. Hemm min jgħidlek li l-Etjopja hija pajjiż tat-Tielet Dinja imma fiha sibt rikkezza li tlifna fl-Ewropa moderna tagħna. Dan il-volontarjat għeni nitgħallem ngħix ma nies li huma tant differenti minni imma li jilqgħu lil kulħadd bil-ferħ u rispett kbir.

Maria: Jiena nemmen li l-volontarjat huwa ta’ valur kbir kemm għall individwu u kif ukoll għas-socjeta’. Naħseb li huwa dmir tagħna li nagħtu xi ħaga lura lis-soċjeta’. Il-volontarjat huwa mod kif inroddu ftit mix-xorti tajba li messet lilna, mhux b’xi dritt specjali. Naħseb biex tkun taf x’jiġiferi esperjenza ta’ volontarjat trid tghixa biex tifhem kemm hija sabiħa!

Pauline, u John, għamlu sena l-Kenya, fis-slum ta’ Kibera jgħinu lil żgħażagħ bl-AIDS

Pauline: Naħseb aħna lkoll ixxurtjati biżżejjed li għandna ċertu affarijiet bażiċi bħal edukazzjoni, nutriment, servizzi ta’ saħħa... fost affarijiet oħra. Lanqas nibqgħu napprezzawhom! Iżda hawn min dawn l-affarijiet lanqas joħlom li jeżistu...aħseb u ara kemm jista' jkollu aċċess għalihom. Meta taqsam il-ħin u ir-riżorsi tiegħek ma' nies li m'għandhomx l'opportunitajiet li għandek int, jgħinek tkabbar lilek innifsek u lin-nies li taħdem magħhom!

 John: Meta wieħed jagħti b’qalb miftuha, jirċievi... u jirċievi ħafna lura! L-esperjenza tagħna kienet mod kif wieħed imiss il-ħajja tal-fqar, li huma l-maġġoranza tan-nies fid-dinja, u jitgħallem japprezza s-semplicita` u l-imħabba tagħhom, u fiha jsib lilu nnifsu u s-sens f’ħajtu. Mhijiex ħaġa faċli – li wieħed jitlaq minn daru u minn pajjiżu u jgħix f’post totalment differenti, iżda wieħed jagħraf dak li huwa important f’ħajtu kemm materjalment u aktar u aktar spiritwalment.

 Lawrence u Ruth, għamlu sitt xhur l-Eġittu jgħinu f’villaġġ zgħir fit-tagħlim ta’ l-Ingliż u attivitajiet edukattivi oħra

Lawrence: Jien xtaqt nagħmel xi haga mhux tas-soltu u ridt l-avventura! Qatt ma kont nirrejalizza li nista’ ngħin ħafna, anke bil-ftit li nagħmel! Il-volontarjat lili tani aspettativa oħra tal-ħajja- aspettativa sempliċi u ‘l bogħod mill-affarijiet tal-ħajja mgħaġġla li ngħixu fiha. Fejn qabel jien kont mhedi fix- xogħolijiet differenti li kont nagħmel, issa li għamilt dan il-volontarjat irrejalizzajt li l-ikbar soddisfazzjon huwa li jien għent lill-ħaddieħor bla flus u bis-semplicita’. Issa nħoss vojt fil-ħajja tiegħi! Nemmen li l-volontarjat  isaħħek ferm fil-ħajja spiritwali u jimlik bl-apprezzament għall-affarijiet sempliċi fil-ħajja li tant drabi lanqas biss aħna konxji tagħhom!

Ruth:Il-volontarjat jgħidu li “biex tgħin lill-ħaddieħor” imma fil-verita’, aktar milli jgħin lill-ħaddieħor għen lili. Laqqgħani ma’ ħafna nies differenti u tgħallimt napprezza l-ħajja, dak li għandi u n-nies ta’ madwari. Xi kultant trid tagħmel ftit sagriffiċċju imma l-ferħ li jrendi l-volontarjat hu inkreddibbli!

U int, tixtieq idduq minn dan il-ferħ? M’hemmx għalfejn tmur il-bogħod, jew tqatta’ sena... ara issibx sagħtejn fil-ġimgħa u fittex post fejn tista’ tagħtihom lil xi ħadd li għandu bżonn!!!

 

Dawn iż-żgħażagħ kienu fuq proġett tal-European Voluntary Service mħejji minn inYgo bil-fondi tal-Youth in Action Programme.

inYgo – il-Ħidma tal-Ġiżwiti maż-Żgħażagħ!

www.inygo.jesuit.org.mt

Dan l-artiklu ġie miġjub fuq r-rivista ta' Flimkien

facebook youtube twitter flickr