Tribute to Fr. Mario Jaccarini SJ

Intervista ma' Fr. Arthur Vella sj dwar Fr. Mario Jaccarini sj (1928-2011) li ħalliena x-xahar li għadda. Bħala wieħed mill-Kumpanni ta' Ġesù li l-aktar qatta' snin miegħu u kien jafu mill-qrib, saqsejtu xi mistoqsijiet.

1.      Kif tiddeskrivi lil Fr. Mario fi ftit kliem? Kif tiftakru?

Fr. Mario kien bniedem intelliġenti ferm imma fl-istess ħin t'umiltà kbira. Kien sensittiv u l-kapaċità li kellu biex jifhem ‘il-batut kienet twasslu biex jgħinu. Filwaqt li kien bniedem saqajh mal-art u kultant anke forsi mhux daqshekk konxju tat-talenti kbar li għoġbu jżejnu bihom il-Mulej, kien bniedem profond, speċjalment fir-reqqa li biha kien jiċċelebra l-liturġija.

 

2.      X'kienet tfisser għalih il-vokazzjoni tiegħu (li jkun kumpann ta' Kristu) ? Kif kien jgħixha fil-ħajja ta' kuljum?

Għal Fr. Mario l-vokazzjoni kienet kollox. Propju għax is-saċerdozju kien daqshekk parti integrali minn ħajtu, il-proxxmu kien fiċ-ċentru ta' qalbu. Tul is-snin bħala kumpann ta' Ġesù, hu serva bħala l-ewwel chaplain (jew Kappillan? - biex tkun bil-Malti) tal-Università u ddedika ħajtu għat-tagħlim tal-Ingliż - l-ewwel bħala Master of English tan-novizzi Ġiżwiti, fejn kellu wkoll ir-rwol ta' Prefett tal-Istudji u eventwalment fis-Sixth Form ta' S. Alwiġi. Fr. Mario baqa' dejjem attiv ukoll fil-Charismatic Renewal u fil-Youth Fellowship fejn kien jipparteċipa f'adorazzjonijiet u joffri s-sagrament ta' rikonċiljazzjoni, kif ukoll f'attivitajiet ta' outreach. Apparti dawn id-diversi ħidmiet, kellu ħafna għal qalbu wkoll il-vokazzjonijiet Ġiżwiti. Anke fil-ħajja ta' kuljum, Fr. Mario kien jixhed ħajja ta' bniedem ta' talb. Qabel il-quddies tas-7.30 kien ikun diġa għamel siegħa talb u qabel ma jorqod ma kienx jitlef iż-żjara lil Ġesù.

 

  1. Naf li kontu viċin ta' xulxin u ħdimtu ħafna id f'id tul il-mixja spiritwali tagħkom bħala membri tal-Kumpanija ta' Ġesù:

 

  •   Xi memorji u esperjenzi li qsamt ma' Fr Mario meta kien is-Socius (segretarju personali tal-Provinċjal) tiegħek?

 

Jien u Fr. Mario ħdimna tajjeb mill-qrib tul dawn iż-żminijiet kemmxejn imqallbin fl-istorja politico-reliġjuża ta' pajjiżna. F'dawn is-sitt snin, mill-1966 sal-1972 kien spalla għalija u saħansitra tgħallem il-karozza biex jara li kull nhar ta' Ħadd naqta' minn xogħli u mmorru dawra sal-Mellieħa jew sa Buġibba fejn aħna l-Ġiżwiti kellna dar.

 

 

  •  Kif tiftakru bħala għalliem u l-ewwel Kappillan tal-Università?

 

Tul l-aħħar sena bħala Socius (1971-2), Fr. Mario ġie nnominat bħala l-ewwel Chaplain tal-Università, kariga li huwa qeda għal disa' snin sal-1980. B'tant dedikazzjoni kien idur l-uffiċji wieħed wieħed li sewa minjiera ġid biex għall-ewwel darba tinbena relazzjoni tajba mal-istaff non-akademiku. Dan apparti li meta xi studenti kellhom imorru jistudjaw barra minn Malta, hu mar l-Italja u l-Ingliterra jżurhom personalment biex jiżgura ruħu li kollox sew.

 

 

  •  Kif komplejtu tgħixu l-ħajja komunitarja flimkien iktar tard bħala membri tal-komunità tal-Ġiżwiti li qiegħda biswit il-kappella tal-Università?

 

Tista' tgħid li sakemm ħalliena dejjem għexna fl-istess komunità li konna bdejna aħna stess, ċjoè (is this correct spelling?) dik tal-Università, ħlief bejn l-1983-88 meta hu kien direttur spiritwali tas-Seminarju tal-Virtù. Wara, kien reġa' ħa ħsieb in-novizzi għal sena (1988-89) fejn kien jagħtihom xi lectures u inputs spiritwali u baqa' kważi sal-aħħar għalliem tal-Ingliż fis-Sixth Form ta' S. Alwiġi.   

Tassew li kien bniedem dejjem aġġornat u jħobb jiċċajta, imma stajt tħoss kemm tassew kien iħobb u jaqdi f'kollox lil dak li għaliH ta' ħajtu, l-istess wieħed li ta ħajtU għalina fuq is-salib.

 

4.      Tirrakkontali xi aneddotu jew praspura li ġratilkom?

Għalkemm bħalissa mhu qed jiġini xejn partikolari f'moħħi, niftakar tajjeb li meta kien s-Socius tiegħi - fi żmien meta l-provinċja kienet ikbar milli hi llum u meta ħafna mill-komunikazzjoni kienet għadha ssir bl-ittri - spiss kont nikteb il-punti ewlenin tal-messaġġ li ridt inwassal u b'nofs tbissima kont ngħidlu: "Laħħamhom ftit kif taf int Mario jekk jogħġbok!". Dlonk kont tisimgħu jfaqqa' dik id-daħka tipika tiegħu.   

 

5.      X'inhuma l-kwalitajiet u/jew riflessjonijiet tiegħu li tibqa' ġġorr f'qalbek?

Fost il-ħafna tajjeb li kellu Fr. Mario, kien jispikka fih is-sens ta' faqar, in-nuqqas ta' ġudizzju fuq l-oħrajn u l-imħabba għall-Knisja. Madanakollu kieku jkolli nagħżel kwalità waħda żgur li tkun il-fedeltà tiegħu.

                                                                                                Isaac J. Gatt

 

 

 

 

 

 


Back to overview

facebook youtube twitter flickr