L-Istitut Paolo Freire (PFI)

Intervista ma' Matthew Casha, koordinatur tas-sezzjoni żgħażagħ tal-Istitut Paolo Freire (PFI)

  • Kif sirt taf bl-Istitut Paolo Freire (PFI)?

Jiena sirt naf dwar il-PFI meta sħabi bdew jmorru u kien hemm bżonn ta' iktar helpers.  Tnejn minnhom saqsewni biex immur magħhom darba u mort saż-Żejtun biex nimla ftit mill-ħin liberu tiegħi. B'hekk kont qed nieħu gost ma' sħabi u fl-istess ħin kont qed nagħmel xi ħaġa ta' ġid. S'issa din l-avventura ilha għaddejja sitt snin u nispera li tkompli!

 

  • X'wasslek biex tieħu d-deċiżjoni li toffri ftit minn ħinek f'servizz lil ħaddieħor b'xejn?

Kif għidt qabel, għall-ewwel kont immur biex nimla l-ħin tiegħi imma meta bdejt naħdem u nilgħab mat-tfal, doqt xi jfisser verament li tagħti lilek innifsek għall-proxxmu. Illum il-ġurnata, nħares lura u nintebaħ li ħadt ħafna aktar milli tajt. Il-volontarjat sar parti integrali minn ħajti u l-fatt li ngħin lil ħaddieħor jimlieni. 

 

  • X'memorji għandek tal-ewwel darba?

Niftakar li l-ewwel darba kien laqagħni Fr. Edgar u introduċieni mal-koordinatriċi ta' dak iż-żmien, Anne-Marie, li għamlitli intervista zgħira u fehmitni x'jiġri u ma jiġrix meta nkunu qegħdin naħdmu mat-tfal. Ovvjament kont naqra imbeżża' għax ma kellix idea ta' x'approċċ ħa nieħu mat-tfal u jekk hux ser jaċċettawni jew le. L-ewwel ġurnata morna nduru għat-tfal u  l-għada bejt naħdem magħhom. Ikolli ngħid li x-xogħol beda jogħġobni u mal-ewwel qbadt ir-ritmu. 

 

  • Ladarba bdejt tmur, x'żammek hemm u saħansitra wasslek biex tieħu r-rwol preżenti li jitlob iktar responsabbiltà?

L-iktar ħaġa li żammitni hemmhekk hi s-sodisfazzjon li taħdem mat-tfal u li tarahom kuntenti u mixjin 'l quddiem. Dan narah l-iktar fit-talent show. Fl-aħħar tal-proġett tas-sajf ntellgħu talent show li fih it-tfal jiżfnu u jirreċtaw. Għall-ewwel jibdew jittratenu u jkunu jridu jilagħbu minflok, però meta tarahom fuq il-palk tinduna kemm ikunu qegħdin jagħtu qalbhom u hemmhekk, sena wara sena, tara l-frott tal-isforzi kollha joħroġ fil-beraħ. 

Illum il-ġurnata qiegħed koordinatur tas-sezzjoni żgħażagħ tal-PFI. Dak li wassalni biex nieħu dan ir-rwol hu l-fatt li dejjem xtaqt nkompli nara lill-PFI jitjieb u jimxi 'l quddiem. Illum il-ġurnata miegħi hemm grupp ta' ħames mentors li flimkien nieħdu ħsieb l-attivitajiet kollha tas-sezzjoni żgħażagħ.

 

  • Din l-esperjenza għenet fil-formazzjoni tiegħek bħala persuna? Kif?

Iva, għenitni mmens biex nikber kemm personalment kif ukoll spiritwalment. Personalment għenitini napprezza aktar dak li għandi madwari. It-tfal li naħdmu magħhom mhux dejjem jiġu minn ambjenti faċli iżda tara kif minkejja dan lesti jimxu 'l quddiem bi tbissima fuq fommhom. Għenitni nikber ukoll bħala mexxej u bniedem għall-oħrajn. Spiritwalment tagħtni s-saħħa li nibqa' nemmen dejjem fil-providenza t'Alla għax meta konna fl-aktar sitwazzjoniet iebsin dejjem sibna kif u biex naħdmu.

 

  • Xi tgħid lil dawk li jixtiequ jagħmlu esperjenza b'differenza das-sajf?

Li ngħidilhom hu: morru, oħorġu u aqsmu l-ġid li għandkom mal-oħrajn. Kulħadd għandu dik ix-xi ħaġa speċjali ġo fih/a li hu/hi biss j/tista' tagħti lil ħaddieħor. Il-volontorjat mill-qalb jista' jkun l-akbar għajn ta' ġid għalik u għal ta' madwarek. Huwa esperjenza li tibnik u tagħtik saħħa biex timxi 'l quddiem f'ħajtek.

Dan l-artiklu ġie miġjub fuq r-rivista Regina et Mater 2000

 

facebook youtube twitter flickr