Nitgħallem, Nħobb, Naqdi

Image from http://johncauchi.wordpress.com

Nitgħallem, Nħobb, Naqdi

John Paul Cauchi, 24, iggradwat fil-Mediċina u Pauline Bartolo, 25, iggradwata fl-Inġinerija għadhom kif waslu lura minn esperjenza ta' sena volontarjat fil-Kenya. Dan kien proġett iffinanzjat mill-Ewropa li sar b'kolaborazzjoni bejn il-Ġiżwiti u l-Kommunitajiet ta' Ħajja Nisranija (CLCs) fil-Kenya.

John u Pauline għamlu sena jaħdmu ġos-slums ta' Kibera fil-belt kapitali, Nairobi. Kibera! Madwar miljun persuna, mingħajr tojlits u ħtiġijiet oħra bażiċi. Immaġinahom jgħixu ġo spazju fih daqs Birkirkara u Ħ'Attard. Immaġina l-popolazzjoni ta' Malta mdeffsa ġol-Belt. Baħar ta' djar taż-żingu u tajn, mingħajr sistema ta' drenaġġ, bi xmara sewda faħma tgħaddi minn nofsu, li ħafna tfal isejħulu playground.

 John u Pauline marru biex jaħdmu ma' studenti żgħażagħ bl-AIDS li, f'pajjiż fejn m'hemmx skola sekondarja b'xejn, qegħdin f'kulleġġ grazzi għal donaturi Amerikani. Xogħolhom kien li jagħtuhom appoġġ, jisimgħu l-problemi tagħhom u jgħinuhom kif jistgħu waqt li  l-istudenti kienu qed jagħmlu ħidma volontarja wara l-A Levels tagħhom. Kienu wkoll jgħallmuhom l-Ingliż, il-Fiżika, il-Bioloġija u l-Matematika. Bdew proġett jismu KIDS' PALACE, baby care centre fejn tfal ta' bejn sitt xhur u sentejn u nofs setgħu jiġu waqt li l-ġenituri tagħhom ikunu qed ifittxu xogħol. Dan il-care centre li ma kien xejn iktar ħlief dar żgħira f'parti iktar żviluppat ta' Kibera, sar possibbli grazzi għad-donazzjonijiet li rċevew minn Malta. Apparti s-sodod u l-ikel bnin li kienu jieħdulhom l-voluntiera, in-nies tal-post issa għandhom ukoll tojlit, oġġett ta' lussu f'dan is-slum miżeru!

 

John jikteb hekk dwar din l-esperjenza:

‘Taħdem f'post bħal Kibera mhux faċli. Kultura differenti. Dinja differenti. Il-Kenya pajjiż mill-isbaħ - foresti, xmajjar, bajjiet, deżerti, muntanji, anke bis-silġ - kollox issib! Din hija l-Afrika vera.. imma hija sfortnament l-Afrika li qed tinqered, parzjalment minħabba l-kolonjaliżmu li għaddiet minnha u li l-effetti tiegħu għadhom jinħassu sal-lum. Issa l-Afrika qed tittieħed mis-superpotenzi ta' żmienna, bħal l-Amerika, iċ-Ċina, l-Unjoni Ewropea u oħrajn li biex jgħixu fil-kumdita', jagħmlu ħerba minn kontinent mfawwar bil-ġid, b'riżultat ta' gwerer, faqar estrem u tbatijiet kbar għall-Afrikani stess.

Din l-esperjenza fetħitli ħafna għajnejja fuq kif taħdem id-dinja; fuq kif l-ammonti enormi ta' flus li jintbagħtu l-Afrika mhux dejjem jispiċċaw f'idejn in-nies li għandhom bżonnhom; fuq kif it-tweġibiet għall-faqar mhumiex sempliċi.  Urietni ftit il-miżerja u d-disprament ta' nies f'faqar estrem u kemm hija tassew enormi l-isfida li tneħħi l-faqar minn post bħal Kibera. Kienet ukoll esperjenza li ġgħelitni nikber f'ħafna aspetti - f'li nipprova nifhem bla ma niġġudika, f'li nsir aktar assertiv, u fl-għarfien tiegħi nnifsi, kemm tat-tajjeb u tad-dgħufijiet tiegħi.

Hija esperjenza li tgħinek tapprezza b'mod ġenwin dak kollu li għandek u tara kemm flus jinħelew f'affarijiet li nistgħu ngħaddu mingħajrhom jekk biss nieqfu naħsbu ftit. Nittama li sirt bniedem li, għalkemm għadu perpless quddiem il-kumplessità ta' dinja inġusta, sar jifhem xi ftit aktar il-bniedem li jgħix fiha.'

 

Pauline tgħidilna hekk dwar l-esperjenza tagħha:

‘Iż-żgħażagħ li ħdimna magħhom kienu ta' ispirazzjoni għalija. Ħajjithom xejn mhi faċli - waqt li jistudjaw iridu jieħdu ħsieb lil ħuthom u jipprovdu għal familthom. Iżda minflok igergru dwar is-sitwazzjoni tagħhom, jaqdfu ‘l quddiem kull ġurnata li tgħaddi. Il-ħolm u l-fidi tagħhom huma dawk li jżommuhom għaddejjin.

Din l-esperjenza għenitni ma niġġudikax imma nisma' b'qalb miftuħa u nipprova nifhem mill-aħjar li nista' kif dawn in-nies jistgħu jgħixu fi slum u f'miżerja bħal dik.

Il-kultura fil-Kenya donnu timxi ħafna fuq dak li jgħid il-Vanġelu: li tafda lil Alla f'kull ma għandek bżonn u li għada jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. Jien qed nipprova ngħix aktar bħalhom f'dan ir-rigward biex inkun nista' napprezza l-grazzji kbar u l-ħwejjeġ sbieħ kollha li tani, mingħajr ma noqgħod nhewden dwar dak li ġara lbieraħ jew ninkwieta x'ser jiġri għada!'

Dan l-artiklu ġie miġjub fuq r-rivista Regina et Mater 2000

facebook youtube twitter flickr