Id f’Id

Image from sxc.hu

Id f’Id

F’Ġunju li għadda, Maria, 21, iggradwata fl-Insurance and Banking and Finance, u Franklin, 18, jaħdem bħala animator, bdew esperjenza ta’ sitt xhur fl-Etjopia f’ħidma mas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb Mqaddsa ta’ Ġesu’. Id f’Id, kien proġett ta’ inYgo ta’ volontarjat fit-tul iffinanzjat mill-Youth in Action Programme tal-Unjoni Ewropea.

 Maria u Franklin ħadmu fid-dar Kidane Meheret immexxija minn dawn is-sorijiet Maltin. Għal xi koppji Maltin, din id-dar hija speċjali ħafna għax tagħti l-possibbilta’ ta’ adozzjoni biex xi tfal jingħataw iċ-ċans li jgħixu ħajja hawn Malta. Fid-dar hemm madwar 160 orfni, minn trabi sa żgħażagħ ta’ 17-il sena. Kidane Meheret tilqa’ fiha tfal abbandunati, tfal li jgħixu fit-toroq, orfni u tfal ta’ ġenituri li jkunu morda bl-HIV/AIDS. Is-Sorijiet jipprovdu ambjent ta’ imħabba u dak kollu li hemm bżonn biex jittrabbew dawn it-tfal. Is-sorijiet għandhom ukoll skola għat-tfal tal-lokal. Maria u Franklin għamlu sitt xhur jgħinu lis-sorijiet f’dak kollu li kien hemm bżonn: mit-tagħlim ta’ l-Ingliż, jorganizzaw attivitajiet għat-tfal barra mill-ħin ta’ l-iskola, għenu fl-istores kif ukoll akkumpannjaw xi tfal l-isptarijiet. Forsi dan kollu jistema’ xogħol sempliċi, imma kif qalilhom Fr. Groum, Ġiżwita li segwihom waqt din l-esperjenza: ‘Ma ġejtux hawn biex issalvaw id-dinja, anke jekk ma’ tagħmlux affarijiet kbar... tbissima sempliċi hija biżżejjed.’

Franklin

Għal Franklin din ma kinietx l-ewwel esperjenza barra minn Malta allavolja daqshekk żgħir. Huwa mar l-Albanija mal-Kappillan tiegħu f’Ħaż-Żabbar. X’kienet l-esperjenza tiegħu?

S’issa f’ħajti kienet l-isbaħ esperjenza li qatt għext. Ma kinitx faċli imma għexnieha ġurnata b’ġurnata. Tgħallimt napprezza ħafna li aħna differenti minn xulxin – u veru differenti! – mhux biss il-lingwa, jew reliġjon, iżda l-aktar mill-mod  ta’ kif naħsbuha! Imma għalkemm differenti, veru napprezza li aħna m’aħniex aqwa minnhom. It-tnejn li aħna sbieħ u għandna ħafna x’nistgħu nitgħallmu minn xulxin. Qabel ma għixt din l-esperjenza, din il-ħaġa kont nismagħhom jgħiduha fuq it-TV, imma  għalija kienet biss cliche! Issa għexta!!!

 Kienet esperjenza li qarbitni lejn Alla wkoll. Hu biss kien li jafni sew fl-Etjopia. Ma kelli lil ħadd aktar! U b’hekk tgħallimt x’jiġifieri li tistrieħ fuqu, speċjalment fiż-żminijiet li kienu xi ftit diffiċli. Fiż-żminijiet tajbin kont inkun aktar kapaċi li nkun grat ta’ dak kollu li tani! Mhux biss grat imma inħoss li issa rrid naqsam dak li għandi ma’ l-oħrajn. 

 

Maria

Jiena nħoss li din l-esperjenza bidlitli l-mod kif naħsibha u kif inħares lejn il-ħajja. Kienet esperjenza li bnietni. Tgħallimt napprezza l-aktar affarijiet sempliċi fil-ħajja. Pero’ kienet esperjenza li qajmitli ħafna mistoqsijiet ukoll. Kienet l-għażla tiegħi li immur l-Etjopja imma ma kinitx l-għażla ta’ dawn in-nies li jitwieldu f’pajjiż fejn il-faqar huwa dak kollu li tara madwarek, fejn in-nies jgħixu fit-toroq u qed imutu bil-ġuħ u minn mard li f’pajjiżi oħra tista’ tikkurahom!  U xorta dawn in-nies jafu jkunu ferħana! Għadna ħabta lil dawn il-pajjiżi ngħidu li mhux żvilupati imma f’ċertu affarijiet aktar żvilupati minnha – jafu x’inhuma il-valuri tagħhom u jafu l-prijoritajiet fil-ħajja. Huwa dan kollu li jagħmilhom kuntenti!

Jien kont għadni kif gradwajt qabel ma tlaqt u kien hemm min qalli li qed nagħmel ħmerija u qed naħli l-ħin... imma din kienet esperjenza li għallimtni aktar mill-iskola kollha u mill-Universita’ kollha li mort!

Dan l-artiklu ġie miġjub fuq r-rivista Regina et Mater 2000

 

 

facebook youtube twitter flickr