Sssshhhh! ….Ieqaf ftit! Kun af li jien Alla

Image from sxc.hu

Sssshhhh! ....Ieqaf ftit! Kun af li jien Alla

 

Hekk kif nasal id-dar niftaħ it-televixin; fil-karozza nixgħel ir-radju; meta nkun se nimxi fit-tul nitfa' l-mużika f'widnejja; is-silenzju bħal donnu jbeżżagħni ... imma kull ma jmur qed ninduna li għalija s-silenzju sar essenzjali. Essenzjali sabiex nikkalma ruħi mill-ħsibijiet kollha li jkunu qed itaqqluni, nirrifletti bil-kwiet fuq fejn ninsab bħalissa, u niffoka fuq x'qed jipprova jgħidli Alla.

 

F'din il-ħajja nvażata minn stimuli esterjuri, sar verament diffiċli li wieħed jirnexxielu jingħalaq ftit fih innifsu, jieqaf u jipprova ma jaħsibx fuq l-eluf ta' ħsibijiet li jkunu għaddejja minn moħħu. Ngħid għalija, jien insibha diffiċli mmens. Kien għalhekk li ddeċidejt li nagħmel irtir fis-silenzju. F'Settembru applikajt sabiex nagħmel ħamest ijiem irtir. Ftit minn sħabi baqgħu skantata, filwaqt li oħrajn agħmluli l-kuraġġ. Mort għal dan l-irtir b'qalbi miftuħa għal kollox u hemmhekk iltqajt ma' grupp żgħir ta' żgħażagħ oħra li bħali xtaqu jfittxu s-silenzju. Ingħatajt il-gwida ta' qassis ġiżwita li kuljum kont niltaqa' miegħu sabiex nitkellem fuq il-qari mill-Bibbja li jkun issuġġerili biex nirrifletti fuqu. Miegħu kont naqsam ukoll dak kollu li kont qed inħoss u niċċara xi affarijiet li forsi kienu qed itaqqluni. Ħassejtni bħal qisni nqtajt ftit mid-dinja għal ħamest ijiem u sibt aktar lili nnifsi. Mhux se ngħid li twelidt mill-ġdid iżda ċerta li ħriġt minn hemm b'viżjoni differenti fuq ċerti aspetti tal-ħajja u b'ħafna ottimiżmu li kelli bżonn.

 

Is-silenzju li rnexxili ngawdi waqt l-irtir ma xtaqtx nitilfu. Nammetti li l-ambjent li konna fih fl-irtir - qrib tan-natura, ‘il bogħod mill-oħrajn u ‘l bogħod mit-teknoloġija, għenni mmens. Pero' kont determinata li nippersisti sabiex is-silenzju li sibt hemmhekk insibu fil-ħajja mgħaġġla tiegħi ta' kuljum. Tgħinni ħafna għalhekk li mmur f'kappella, qrib xi wied jew inkella ningħalaq f'kamarti...nagħlaq għajnejja u nwaqqaf kollox! Fil-kwiet inħalli lili nnifsi bil-mod nintelaq f'dirgħajn il-Mulej, ma noqgħodx ninkwieta x'se ngħidlu jew fuqiex se naħseb għax Hu jafni aktar. Fl-iskiet ta' qalbi nħoss l-imħabba tiegħU tgħannaqni u timlieni b'ħafna kuraġġ u tama. Nibqa' fil-kwiet sakemm inħoss il-bżonn, imbagħad inqum b'determinazzjoni li nagħti lura minn dak li nkun ħassejt f'dik il-laqgħa ma' Alla. "Quanto piu riceviamo nella preghiera silenziosa, tanto piu possiamo dare nella nostra vita attiva." - Madre Tereża.

 

Xi jfisser għalija s-silenzju? Rigal imprezzabli.

 

Lillian Casaletto

Dan l-artiklu ġie miġjub fuq r-rivista Flimkien.

 

 

 

facebook youtube twitter flickr