Il-walkman, id-discman u l-irtir fis-silenzju

Image from www.allcam.biz

Il-walkman, id-discman u l-irtir fis-silenzju

Kont waħda mill-ewwel fost sħabi li kelli walkman. Tgħidx kemm kont ferħana bih minkejja li kelli biss żewġ cassettes x’indoqq. Kont għadni fil-primarja. Fis-sekondarja mbagħad qlajt cassette player bir-radio b’kollox u bdejt nagħmel anki l-homework bih. `Qas kont noħlomha li nagħmel il-homework mingħajr mużika għaddejja. Kont nagħlaq il-bieb tal-kamra biex ma noqgħodx nisma` dawk l-ilħna antipatki jgħiduli “baxxilu!”.

 Bdejt nikber u l-istorbju u l-mużika bdejt inħobbhom dejjem iżjed. Kif spiċċajt mis-sekondarja il-ħarġa tiegħi tas-Sibt dejjem kienet tkun ġo diskoteka partikolari, nisma` l-mużika u niżfen. Fl-aħħar wasalt ukoll biex xtrajt discman li tant xtaqt u tant kien ilni nfaddal għalih. Inkella s-CDs fuqhiex kont se ndoqqhom?

 Kien propju fiż-żmien li xtrajt id-discman, ta` sittax-il sena, meta fuq din l-istess rivista, qrajt artiklu ta` mara li kienet stramba biżżejjed biex waslet biex għamlet irtir fis-silenzju ta` xahar! Ma stajtx nifhem kif jista` xi ħadd jgħaddi xahar waħdu fil-kwiet, bla storbju u bla mużika. Fl-istess waqt fil-qiegħ nett ta` qalbi, lil dil-mara ammirajtha, għax kont naf li jien żgur li m’għandix kuraġġ nagħmel xi ħaġa bħal din.

 L-artiklu nsejtu sakemm din l-isfida tas-silenzju reġgħet tfaċċat meta l-università kien se jiġi organizzat irtir ta` tlett ijiem fis-silenzju. Ma kellix idea x’joqogħdu jagħmlu n-nies li jmorru dawn l-irtiri, kif iqattgħu il-ħin etc Ma tantx kien jinteressani nkun naf anqas imma xtaqt li nsir kapaċi ngħix fis-silenzju biex inkun naf ngħix kemm fl-istorbju u l-mużika u kemm fil-kwiet. Allura ddeċidejt li napplika u mort.

 Ma tantx niftakar x’għamilt, naf li l-ikel kien tajjeb, kien hemm mumenti li ma kontx naf x’se nagħmel bija nnifsi u kien hemm mumenti li fihom tlabt. Insomma, l-isfida miegħi innifsi li nagħmel tlett ijiem fis-silenzju kien irnexxiet u kultant żmien, ngħidu aħna kull sena, bħal bdejt infittex li nagħmel xi tip ta` rtir jew xi ġurnata fil-kwiet.

 Tant kiber fija dan l-għatx u sirt nieħu gost f’dawn il-mumenti ta` kwiet li llum ta` ħamsa u għoxrin sena, sirt stramba daqs dik il-mara li kont qrajt l-artiklu tagħha disa` snin ilu. Ftit ġimgħat ilu spiċċajt  jien ukoll irtir ta` xahar, l-Irtir Injazjan. Irtir li jgħinek tieħu gost iktar tgħix miegħek innifsek, ma` Alla u ma` l-oħrajn. Irtir li donnu jibdillek ċippa minnek innifsek bħal meta tibdel xi ċippa ta` xi kompjuter.

 Nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex ngħid grazzi lid-direttur li kien imexxini u lil żewġi li appoġġjani ħafna minkejja li hu qatt m’għamel dawn it-tip ta` esperjenzi. Jekk inti li qed taqra għandek nitfa ħajra biex tipprova xi ħaġa hekk, nikorraġġik ħafna, għax worth-it immens!

Suzanne Vella

Dan l-artiklu ġie miġjub fuq r-rivista Regina et Mater 2000  

facebook youtube twitter flickr