Il-Pellegrin Injazju

IL-PELLEGRIN INJAZJU
Fr Victor Xuereb, S.J.

Twelid fil-kastell ta' Loyola fl-1491.

Injazju twieled f'kastell f'Loyola, belt żgħira fuq ix-xmara Urola fil-Biskajja, fi Spanja. Sewsew sitt xhur qabel ma twieled, l-armata tar-Re Ferdinandu u Isabella kien irnexxielha tkeċċi lill-Mori minn Spanja u sena biss wara twelidu, Kristofru Kolombu kixef il-kontinent ġdid ta' l-Amerika. Id-dinja magħluqa ta' l-Ewropa Medjoevali kienet qed titwessa' u tistagħna b'sejbiet meraviljużi.

L-antenati ta' Injazju kienu bnew f'Loyola kastell imdawwar b' foss. Kont  tidħol għalih minn fuq pont ta' l-injam li, f'każ ta' bżonn, kien jintrefa'. Il-pont kien iwasslek f'bieb bil-blata forma ta' ħnejja li fuqha  kien hemm minquxa l-arma tal-familja: borma ttektek fuq nar bati, mdendla bejn żewġt ilpup. Kienet arma sinjifikattiva li tfisser li hemmhekk il-ħbieb kienu dejjem sa jkunu milqugħa waqt li l-għedewwa sa jsibu l-ilpup għassa tagħhom.

Ġo dal-kastell, missier u  omm Injazju, Don Beltram Ibanjez u Dona Marina Sanchez, kellhom familja numeruża ta' tmin subien u ħamest ibniet. Injazju kien is-seba' wieħed fost is-subien. Kienu jgħixu wkoll fil-kastell ruxxmata qaddejja  rġiel u nisa: l-rġiel biex jaħdmu r-raba' ta' madwar il-kastell u n-nisa biex inaddfu u biex jieħdu ħsieb taż-żgħar. Fost l-irġiel kien hemm ukoll skrivan li kien jieħu ħsieb ir-reġistri ta' x'daħal u x'ħareġ mir-raba' u minn minjiera żgħira tal-ħadid li kellha l-familja. Kien dan l-iskrivan li għallem lil Injazju jikteb bil-magħqud dik il-kitba ċara u sabiħa li biha Injazju baqa' jikteb għomru kollu.

Il-biċċa l-kbira ta' matul is-sena, missier Injazju, Don Beltram, ma kienx ikun fil-kastell. Kien ikun jitqabad ma' l-armata tar-Re Ferdinandu fil-ġlied ta' l-Ispanjoli kontra l-Mori. Fil-kastell kien ikun biss fix-xitwa meta l-ġlied kien  jieqaf. Fid-dar kienet tmexxi kollox bil-għaqal Dona Marina, omm Injazju.

Dona Marina, msemmija għal sbuħitha, ma kienet qatt f'saħħitha. Għalkemm ġabet fid-dinja tarbija wara l-oħra, kien ikollha tqabbad nisa tal-post biex ireddgħuhomlha. Hi kienet biss tgħallimhom id-duttrina u fil-għaxija tiġborhom  madwarha biex jgħidu t-talb ta' qabel jorqdu.

Imma dil-ħajja idillika tal-familja malajr inħasdet ħesrem għal Injazju meta, ta' tmin snin, safa ltim minn ommu Marina. Mietet fil-ħlas ta' l-aħħar tarbija u ħalliet lil Don Beltram  armel u b' ċorma tfal, min kbir min  żgħir, xi jrabbi. It-tlieta l-kbar fost is-subien kienu diġa' daħlu fl-armata bħal  missierhom. Għall-bniet u għaż-żgħar kellu jaħseb hu.

It-telfa ta' l-omm kienet l-ewwel dehxa fil-ħajja taċ-ċkejken Injazju imma dritt warajha faqqgħet sajjetta oħra meta, minn Napli waslet l-aħbar ħażina tal-mewt ta' ħuh il-kbir, Juan. Juan kien ingaġġa fl-armata ta' Ferdinandu u kien mar jitqabad kontra l-Franċiżi f'Napli. Kienet aħbar xotta xotta, qasira u kiesħa:- “ Radd ruħu għas-Sultan u għal Art Twelidu!'' L-aħħar darba li Injazju kien ra lil ħuh Juan, dan kien liebes korazza ta' l-azzar, bix-xabla twila tlaħlaħ ma' qaddejh u ma' kull pass meqjus li kien imidd kont tisma' fl-art xprun tal-ħadid iċekċek.

B'xorti tajba, ħabib tal-familja, Don Juan Velaquez, li kien it-teżorier tar-Re Ferdinandu, offra lil missier Injazju biex jieħu għandu lil Injazju fil-kastell tiegħu ta' Arevalo f'Kastilja biex hemm iħarrġu fis-sengħa nobbli bħala kavallier u Injazju sab ruħu ma' xi żgħażagħ oħra sħabu f'Kastilja fejn  dam għaxar snin. U hemm kien jibqa' iżjed, kieku x-xiħ Velasquez ma kisirhiex mal-Qorti tar-Re Ferdinandu u Ferdinandu b'kastig m'għalaqlux il-kastell bl-iskola b'kollox.

Injazju kellu, ta' bilfors ifittex impjieg ma' ħaddieħor. Issa li kien tgħallem sewwa s-sengħa ta' kavallier,ingaġġa ma' Don Manrik de Lara kaptan fl-armata u ħabib ta' Ferdinandu.Dan malajr bagħtu jiddefendi belt żgħira fuq il-fruntiera bejn Franza u Spanja, jisimha Pamplona. Għax l-Imperatur ta' Franza Karlu Ħamsa, meta ntebaħ li l-Ispanjoli kellhom l-inkwiet bejniethom, ra  x-xoqqa    f'moxtha biex jinvadi lil Spanja. Jekk jirnexxilu jikseb lil Pamplona kien jiftaħ il-mogħdija dritta lejn Kastilja!

Il-Kavallier novell Injazju ħass mall-ewwel li l-battalja għal Pamplona kienet fil-qrib ħafna. Għax il-Franċiżi kienu diġa' dawru l-belt bir-riġmenti tagħhom u mmiraw għal fuqha mat-tletin kanun.

Bħala kmandant tat-truppi Spanjoli, Manrik de Lara kien għażel lill-Kaptan Francoise de Beaumont, ġellied qalbieni. Kellu, b'dankollu, De Beaumont, biex jiddefendu lil Pamplona, ftit mijiet ta' difensuri mqassmin ġgajta ġgajta fuq is-swar. De Beaumont għarbel sewwa s-sitwazzjoni u għaraf li l-battalja biex jiddefendi lil  Pamplona kien diġa' jista' jgħoddha b' mitlufa. Ġabar it-truppi tiegħu u qalilhom :-

L-aħwa isimgħuni! Kelma għall-ġid sa nlissen! Ninsabu f'morsa. Bgħatt nitlob l-għajnuna minn għand Don Martin  Ibanjez, ħu il-kavallier Injazju, li rama ħamsin raġel u wassalhom sa ħdejn is-swar. Imma ma rnexxielux jifraq iċ-ċirku ta' l-għedewwa. Kellu jmur lura minn mnejn ġie. Ejjew, ja ħbieb, għalkemm wisq  kontra qalbna, nilqgħu l-ħalfa li għamlulna l-Franċiżi li jħalluna nitilqu minn hawnhekk b'kull unur jekk inċedu l-armi bla tixrid ta' demm  Għax jidher ċar li jekk hawn ma nitqabdux, mhux għax aħna beżżiegħa! Inkunu biss erfajna d-dgħif  ta' driegħna biex inbiċċru lill-Franċiżi x'imkien ieħor aktar difensibbli. Jekk,għar-Re tagħna aħna lkoll lesti nxerrdu demmna, ħalli nxerrduh x'imkien fejn nistgħu niġbru prezzu!''

Imma malajr Injazju qam iċanfru. “Kont naħseb, Sire, u intom ħbieb qalbiena, li kavallier ma jitħallasx biex jaħrab! Għax, sakemm jaf li l-kawża tiegħu ġusta, jibqa' fuq xogħolu jagħmel dmirijietu. Lilna ma ħallsuniex biex  bl-ebda girfa noħorġu minn hawnhekk qawwija u sħiħa! Jekk tridu tmorru, morru lkoll, bħal ġwejjef. Jien sa nibqa' hawn! Nitqabad sa ma naqa'!''

Ilkoll inqarsu. Gidmu lkoll xufftejhom. Mingħajr kelm' oħra, tqassmu fuq is-swar isaħħnu borom kbar ta' żejt ibaqbaq. Fuq l-arblu baqgħet tperper il-bandiera ta' Ferdinandu u s-sbejha Isabella.

Ngħata s-sinjal u ż-żewġ naħat tħejjew. Kanun fuq ix-xellug nebaħ  bil-qilla : kanun fuq il-lemin irrispondieh. Tletin kanun min-naħa tal-Franċiżi fetħu baraxx b'ħoss kbir ta' ragħad fil-qrib, sakemm is-sħaba ta' duħħan u għabra għattiet is-swar f'intiena ta' kubrit.

Ġo dik id-daħna, Injazju  ntaqat b'balla. Tertqitlu rkobbtu l-leminija u ħadet sbrixx lil siequ x-xellugija. Stabat ma' l-art u de Beaumont kien pront tella' bandiera bajda bħala sinjal biex jieqaf f'daqqa l-ġlied.

Min-naħa tagħhom il-Franċiżi żammew b'ħeffa  n-nar. Lill-midrubin bdew issa jdewwu u jħallu ħieles lil min kien baqa' f' saħħtu.  Għax għarfu lkoll kemm kienu wrew kuraġġ.L-infirmiera, ftit jew wisq imħarrġa, bdew, bla loppju, jduru bil-feruti. Imma, xħin raw sieq Injazju,qegħdulu l-għadmiet ta' rkobbtu  f'posthom u rabtuhielu b' faxex twal ma' injama. Meddewh fuq friex merfugħ bejn  żewġt ibsaten u ċeklem ċeklem telqu bih lejn daru xi sittin mil  'il bogħod.  Imma, sa ma wassluh ġewwa Loyola u sa ma waslu tobba mħarrġin minn Burgos, kien laħaq għadda ż-żmien u l-għadam kien beda jagħqad ma' xulxin.It-tobba  sabu li l-leminija kienet  ftit qasira u kellu għadma mqabbża taħt irkobbtu. Beżgħu jmissuh. Imma Injazju insista li ma riedx jibqa' zopp. Heżżeż snienu daqs morsa waqt li huma reġgħu kisrulu rkobbtu biex itawluhielu. Imbagħad dendlulu ma' siequ piż mehmuż bil-lenza u telqu.

Kont taħsbu miet. Ma kontx tħallas ħabba fih. Imma, bil-mod il-mod l-uġigħ majnalu u beda jniżżel siequ minn ġos-sodda. Il-kura ħadet ħames xhur u fuqhom.

Top

INJAZJU PAZJENT F' LOYOLA - ŻMIEN  TA'  KONVERŻJONI

Biex jgħaddi l-ħin kemm dam jiddewwa, Injazju talab lil oħtu Madalen iġġiblu xi rumanz x'jaqra. Għax kellu kilba biex jaqra r-rumanzi kavallereski ta' Amadis u l-maħbuba tiegħu Orjana. Imma f'Loyola ma kienx hemm rumanzi.  Fis-senduq sabitlu, pero' “Ħajja ta' Kristu'' oriġinalment miktuba bil-latin minn patri Ludolf ta' Sassonja u mbagħad maqluba għall-ispanjol mill- eremit Gauberto Vagad. Sabitlu wkoll ktieb ieħor iżgħar tal-'Ħajjiet tal-Qaddisin' li minnu omm Injazju Dona Marina, kienet ġieli taqra xi siltiet lil uliedha qabel traqqadhom.F'dan il-ktejjeb il-kittieb kien pinġa l-qaddisin bħala kavallieri ta' Kristu.

Lil San Franġisk kien xebbhu ma' Kavallier li għażel il-Faqar bħala għarusa tiegħu u li bħala kavallier kien mar Ġerusalemm biex jiddefendi l-Art li qaddes Kristu. Lil San Duminku fasslu  fuq kavallier qalbieni li tħabat ħafna kontra t-tagħim qarrieq ta' l-Albiġensi biex terġa' tieħu postha l-verita' ta' Kristu. Lill-eremit San Onofrju kien pinġieh magħuq f'għar waħdu ġod-deżert f'tgħakkis kontinwu bla ma jaqta' qalbu kif jagħmel kavallier li ma jibżax.

Injazju beda jaqra l-ewwel dan il-ktejjeb tal-Ħajjiet tal- Qaddisin. Għax kien  eqsar mill-Ħajja ta' Kristu! Bil-ftit il-ftit, Injazju beda jqabbel dawn il-qaddisin mal-ġrajjiet tar-rumanzi ta' l-eroj  Amadis u d-dama tiegħu Orjana kif kien imdorri jagħmel meta kien għadu jitħarreġ fis-sengħa ta' kavallier  f'Arevalo. Beda jgħid:-

Kos, dawn il-qaddisin kienu nies qalbiena! Daqs kavallieri tħabtu għas-sultan  tagħhom!Jekk għamel hekk Franġisku u hekk Duminku,l-istess irrid li nagħmel  jien għal Kristu. Għax bħal Franġisku mmur ġo l-Art Imqaddsa u bħal Duminku 'l ħadd ma nħalli jkasbar il-ġieħ li jixraq lis-Sultan tas-Slaten!Lil ġismi ngħakkes bis-sahriet u s-sawm kif għamel l-ieħor, l-eremit Onofrju!''

Għeluq il-ħames xhur ta' kura u għożża,qatagħha b'saħħa li jmur l-Art Imqaddsa. Kellem lil ħuh Martin li kien ħa f'idejh it-treġija tal-Kastell ta' Loyola wara l-mewt ta' ħuh il-kbir, Juan, u qallu li jrid jasal wasla sa Navarrete biex minn għand id-Duka De Lara jiġbor il-ħlas maqlugħ tas-servizz militari. Intebaħ ħuh Martin li dik ma kinetx ħlief skuża biex jitlaq mill-Kastell.

Imma, l-għada stess, Injazju, imsieħeb ma' żewġ qaddejja, rikeb fuq bagħal imħażżem sewwa għall-mixi. Bit-tlikki tlikki laħqu lil Onjate u Injazju waqaf jagħmel vista fis-santwarju tal-Madonna. Għadda lejl sħiħ quddiemha jishar u jitlob. Qabel ma telaq, għamel wegħda soda lill-Madonna u saħħaħha b'ħalfa. Wegħedha li Lilha biss irid jagħti  mħabbtu bħala d-Dama tiegħu bla ma qatt ikollu x'jaqsam ma ebda mara oħra! Minn dak il-ħin stess ħass konsolazzjoni kbira u ħass qalbu tinħall minn  kull ġibda żienja.

L-għada filgħodu telqu għal Navarrete fejn iltaqa' ma' Don Manrik De Lara li ħallsu tas-servizz militari ħabba b' ħabba. Hemm ħalla warajh iż-żewġ qaddejja wara li tahom kemxa ġmielha mill-flus li kien iddobba minn għand id-Duka, waqt li hu, b'ħerqa kbira, ġibed lejn Montserrat.

Sa dak il-ħin Injazju kien għadu liebes ta' kavallier, żarbun tat-tromba jlaħħaq sa rkubbtejh, qalziet wiesa' tal-bellus li jgħammex, sidrija tal-ħarir marsusa ma' sidru u bil-mantell iperper  minn fuq spallejh. F'barżakka fuq ix-xedd tal-bagħal kellu misrura  tibdila ħwejjeġ mitwija nodfa mill-ħasil flimkien mal-ktieb għażiż tal-Ħajja ta' Kristu, kif ukoll pitazz li fuqu Injazju kien issoltu jħażżeż xi ħsieb li jisħel jolqtu waqt li jkun qed jaqra. Kellu wkoll imqass, klamar u pinna u sawt tal-ħbula biex bih irażżan lil ġismu.

Fit-triq lejn Montserrat Injazju iltaqa' ma' Moru ( bniedem li kien aċċetta li  jsir nisrani  sempliċement biex il-Gvern Spanjol ma jkeċċihx minn Spanja). Dan laħħaq ma' Injazju u bdew jitħaddtu fuq fejn kienu sejrin. Il-Moru qallu li kien sejjer f'raħal fil-qrib fejn kellu d-dar tiegħu u Injazju qallu li kien sejjer jagħmel vista lis-santwarju tal-Madonna ta' Montserrat. Id-diskors waqa' fuq il-verġinita' tal-Madonna. Il-Moru kien jemmen li l-Madonna kienet verġni sat-tħabbira ta' l-Anġlu, imma ma setax iniżżel li Marija baqgħet verġni wara li kellha lil Kristu. Injazju tah  l-argument tas-soltu li bħalma d-dawl jgħaddi minn priżma bla ma jtappan  il-ħġieġa, hekk Kristu twieled minn Marija bla ma xellef il-verġinita' tagħha.

Il-Moru baqa' mhux konvint. Saħnu għal xulxin. U l-Moru, prudentement, niggeż il-bhima tiegħu biex ħalla lil Injazju biċċa ġmielha warajh.

Injazju baqa' mħawwad. Ħassu li naqas minn dmiru ta' Kavallier  meta ma ddefendiex l-unur tal-Madonna. Beda jtella' u jniżżel jekk jaqbadx ix-xabla f'idu u jmur ifittex lil dak il-Moru  biex joqtlu. Biex iserraħ il-kuxjenza tiegħu, qatagħha li jħalli l-bagħal tiegħu jiddeċiedi hu. It-triq  dejqa lejn Montserrat kienet dalwaqt sa taqsam triq prinċipali li kellu jieħu l-Moru biex imur id-dar tiegħu.Qal Injazju:-''Kif nasal f'salib it-toroq il-bagħal tiegħi nitlaqlu r-riedni.Jekk jaqbad it-triq il-prinċipali, immur insib lil dak il-Moru u nxoqqu: jekk jaqsam it-triq prinċipali u jkompli sejjer fit-triq lejn Montserrat,nieħu dan bħala sinjal minn Alla  li ma jridnix immur noqtlu''.

B'xorti tajba, meta telaqlu r-riedni, l-bagħal, ċeklem ċeklem, qasam it-triq il-prinċipali u reġa' qabad it-triq lejn Montserrat, in-naħa l-oħra! U hekk il-biċċa spiċċat b'wiċċ il-ġid.

Imma l-istorja ma tiqafx hemm. Xi studjużi reċenti għamlu riċerka fuq dak il-Moru u kixfu ġrajja tinkiteb. Sabu li dak il-Moru, xi snin wara, tgħammed tassew,  ħa l-isem ta' Balthażar Mendes u mhux biss sar Nisrani imma daħal ukoll Ġiżwita u għadda ħafna snin jagħmel xogħol pastorali f'Madrid. It-toroq tal-Mulej tassew iserrpu ħafna!

Injazju, mela, kompla t-triq lejn Montserrat. Kien għoddu wasal meta waqaf xtara milwa drapp tax-xkejjer minn dak li soltu jilbsu l-pellegrini u qabbad ħajjat jagħmillu minnha ċoqqa ta' pellegrin, avolja  s' issa kien għadu liebes ta' kavallier.

Wasal Montserrat erbat ijiem qabel il-festa tal-Lunzjata. Montserrat kienet ċentru kbir tal-pellegrinaġġi. Hemm kien hemm is-santwarju famuż tal-Madonna s-Sewda,Madonna ta' l-injam b'Marija żżomm f'ħoġorha lill-Bambin  Ġesu'. Iżuru dan is-santwarju, kienu jiġu eluf ta' pellegrini mill-Ewropa kollha. Jieħdu ħsieb is-santwarju u l-pellegrini kien hemm il-Patrijiet Benedittini. Injazju baqa' tiela' bil-bagħal sal-kunvent u kien milqugħ b'għożża mill-patrijiet. Ried jagħmel qrara tajba li għaliha dam jipprepara ruħu tlett ijiem. Lejliet il-festa tal-Lunzjata, wara li qarr, għadda l-lejl jishar quddiem  il-Madonna. L-għada fil-għodu tqarben u qabel ħareġ mis-santwarju, dendel  ix-xabla mal-kanċell ta' l-istatwa u flok il-libsa tlellex ta' kavallier, libes  il-libsa tax-xkora ta' pellegrin. Matul dak il-lejl jishar, kien għamel wegħda li jmur iżur l-Art Imqaddsa.

Ma kinetx ħaġa ħafifa li jmur pellegrin fl-Art Imqaddsa. L-ewwel kien irid imur Barċellona minn fejn jaqbad ġifen lejn Ruma biex iġib permess minn għand il-Papa  u minn Ruma jmur Venezja mnejn jirkeb il-Ġifen tal-Pellegrini lejn Ġaffa. Għax, bi ftehim  mat-Torok li kienu jaħkmu Ġerusalemm, Venezja biss kellha l-permess li tibgħat ġifen wieħed ta'  pellegrini fis-sena, bil-patt li dawn jirritornaw ma' l-istess ġifen li kien wassalhom fil-port ta' Ġaffa.

L-għada stess tal-festa, telaq lejn Barċellona. Telaq bil-mixi. Għax qabel telaq, ħalla dak il-bagħal li kien wasslu minn Loyola lill-patrijiet Benedittini u l-flus li kien baqagħlu mill-ħlas li kien tah id-Duka f'Navarrete, qassamhom lit-tallaba u għall-ħajja ried jgħix bil-karita'. Flok iż-żarbun tat-tromba libes qorq bil-qiegħ tal-ħbula. L-ilbies tal-ħarir li kellu tahom lil wieħed tallab imċerċer.

Ma'  dak il-qalziet tal-bellus u l-qmis tal-ħarir hemm, mehmuża  storja ħelwa.Għax lil dak it-tallab imċerċer ma damux ma ġabuh fil-għali. Għax meta l-pulizija rawhom f'idejn it-tallab, naturalment, ħasbu li kien seraqhom u ma telquhx minn taħt idejhom qabel ma lebbtu biż-żiemel wara Injazju li spjegalhom li verament kien tahomlu hu.

Wara jum mixi, Injazju laħaq il-belt ċkejkna ta' Manresa fejn kien  hemm sptar tal-fqar jismu l-Isptar ta' Santa Luċija.Ġo dan l-isptar Injazju talab kenn għal lejl biex iserraħ siequ mill-mixi.Il-ħsieb tiegħu kien li l-għada jkompli triqtu lejn Barċellona. Imma flok lejl wieħed,Injazju għadda ħafna ġimgħat ġo Manresa!

Ir-raġunijiet għaliex għamel din il-waqfa twila f' Manresa kienu diversi. L-ewwelnett, ġo l-isptar sama' li kien ta'  xejn li jfittex jasal Barċellona u Ruma għax il-Papa l-Ġdid, Adrijanu Sitta, kien għadu ma  wasalx Ruma u l-Papa biss kien jiffirma biex pellegrin ikun jista' jsalpa lejn l-Art Imqaddsa. It-tieninett, sar jaf li fi Spanja kienet bdiet tixtered il-marda qerrieda tal-pesta, u, bħala prekawzjoni, Barċellona kienet waqqfet kull permess li fiha jidħlu l-istranġieri. Injazju, bħala Bask, kien jaqa' taħt dan l-editt. It-tielet raġuni kienet li biex ma jaħlix il-ħin u biex iħejji ruħu għall-Art Imqaddsa, ried li bħal San Franġisk u San Onofrju, iħejji ruħu bis-sawm u bit-talb u li jsir midħla sew tal-Ħajja
ta' Kristu.

Flok fl-Isptar ta' Santa Luċija, mar joqgħod f'għar fil-qrib, fejn b'inhar kien ikun jista' jagħti daqqa t' id lill-morda u fil-għaxijiet ikun jista' jniżżel fi ktejjeb x'konsolazzjonijiet jew dwejjaq ikun ħass matul il-ġurnata. Kien ktejjeb żgħir imma prezzjuż. Għax kellu jkun il-qafas tal-famużi Eżerċizzi Spiritwali ta' Sant Injazju. Lil dan il-ktejjeb Injazju kien tah l-isem twil ta' “Taħriġ tar-Ruħ biex Trażżan il-Ġibdiet tiegħek u Tagħraf  Tmexx Ħajtek bl-Aħjar Ordni u Qies u biex Issaħħaħ id-Deċiżjoni t-Tajba bla ma Titqarraq minn Ġibdiet mhux f' lokhom''. Il-mistoqsijiet li kien jistaqsi lilu nnifsu Injazju kienu prinċipalment tlieta:- “X'għamilt s'issa għal Kristu? X' qed nagħmel illum biex inħobbu? X'imissni nagħmel għada biex naqdih?'' Għalkemm dal-ktejjeb Injazju dam jorqmu ħafna snin, il-qofol tiegħu kitbu fit-tliet xhur li qagħad Manresa.  Għax wara tliet xhur il-pesta majnat,  Barċellona reġgħet fetħet il-port għall-kummerċ u l-Papa l-Ġdid Adrijanu Sitta , laħaq ħa l-pussess fil-Vatikan.

Għalhekk,Injazju malajr ħalla lil Manresa u ħaffef lejn Barċellona biex  jaqbad il-ġifen lejn Ruma. Għax ried jasal Ruma qabel l-Għid il-Kbir, il-jum li fih il-Papa kien ibierek lill-pellegrini u jibgħathom Venezja biex jaqbdu l-Ġifen tal-Pellegrini minn hemm. Wasal Barċellona sewwasew biex jaqbad dal-ġifen. Il-biljett sa Ostja, l-port ta' Ruma, ħallsithulu Dona Isabel  Roser, mart wieħed nobbli Spanjol ħabib tal-familja ta' Injazju. Inqala' biss  ftit tas-saram meta Injazju mar biex jimbarka. Għax il-kaptan ma riedx itellgħu  abbord jekk ma jġibx miegħu l-ikel għall-vjaġġ. U Injazju kellu jmur jitlob il-karita' biex xtara sorra galletti biex  hekk il-kaptan ħallieh jimbarka bil-qalb it-tajba.

Wasal Ruma. Qala' l-permess meħtieġ u wasal Venezja fil-ħin biex  jaqbad il-Ġifen tal-Pellegrini. Dik is-sena, dan il-ġifen kien jismu n-Negrona. In-Negrona kienet twassal il-pellegrini sa ~ipru u minn ~ipru kienu jirkbu ġifen Tork lejn Ġaffa. Din il-biċċa mill-vjaġġ ħallashielu Don Diego Manes kavalliuer ta' l-Ordni ta' San Ġwann li kien sejjer huwa wkoll jinvista l-Qabar ta' Kristu.

Waslu Ġaffa fuq ġifen Tork  kollha flimkien taħt gwida Tork u, rikbin  fuq id-dahar tal-ħmir li krewlhom it-Torok waslu Ġerusalemm.Waslu għajjenin mejtin u maħmuġin jintnu, imma ferħanin sa jtiru. Sabu jistennihom lil Franġiskan bis-salib tal-kleru li ħadhom fil-kunvent fuq Sijon. Il-Franġiskani daru bihom mill-aħjar li setgħu, dejjem bil-patt li jibqgħu fi grupp wieħed u li jmorru biss fejn jeħodhom il-gwida, patri Franġiskan. Fil-ġimgħa li damu Ġerusalemm żaru ħafna postijiet qaddisa mill Ort tal-Getsemani sal-Via Sagra sal-basilka tal-qabar ta' Kristu. Il-Franġiskan ħadhom ukoll Beltem u xi postijiet oħra barra minn Ġerusalemm. Imma kif joħorġu mill-belt, kien ikollhom  magħhom  stakkament ta' suldati Torok jgħassu fuqhom b'għajnejn ta' seqer. Huma u sejrin  Betsajda għaddew ħafna qrib tax-xmara Ġordan fejn kien tgħammed Ġesu'. Xtaqu b'devozzjoni jaħslu idejhom fl-ilma tax-xmara, imma t-Tork ma  ħallihomx.

Skond il-ftehim bejn il-Venezjani u t-Torok, il-pellegrini kellhom idumu fl-Art  Imqaddsa ġimgħatejn biss. Injazju xtaq ikollu aktar ħin biex jimmedita u jimmemorizza x-xeni kollha li kien qed jara. Kellem lill-Provinċjal biex iħallih jibqa' mal-patrijiet idur bil-morda. Imma l-Provinċjal wissieh li kellu jitlaq  lura ma' sħabu l-oħra.

Lejliet li kellhom jitilqu lura, Innazju għamel waħda minn tiegħu. Sab li ma jistax jiftakar jekk il-marki  tas-saqajn ta' Ġesu' fuq il-blata li tradizzjonalment  minn fuqha Ġesu' tela' s-sema, kinux iħarsu lejn il-lvant jew lejn inżul ix-xemx! Għaddas rasu u bla permess ta' ħadd, mar jiċċekkja.Għax ried jiftakar kull dettall. Isib li l-blata kienet mgħassa minn suldat Tork li ma ridux jersaq lejha. Biex iħallih jaraha, tah dak l-imqass żgħir li Injazju kien ilu jġorr miegħu minn meta ħalla lil Loyola u t-Tork dar iħares in-naħa l-oħra sa ma Injazju ta l-aħħar titwila lejn dik il-blata għażiża.

Imma, sadattant, il-Patrijiet intebħu li Injazju ma kienx ma' sħabu u bagħtu  Fra daqs ġorf ifittxu. Dan, meta sabu rabatlu idu ma' tiegħu biex żgur ma jaħrablux. Injazju ma għamel l-ebda reżistenza. Anzi mar lura ħiemed lejn il-Kunvent jimmedita fuq Ġesu' waqt li kien qed jiġi meħud għal għand Pilatu.

L-għada filgħodu, telqu lkoll lejn Ġaffa fuq l-istess ħmir li kienu ġew  fuqhom. Minn Ġaffa rikbu ġifen Tork li wassalhom sa Cipru. Minn Cipru għal Venezja Injazju rikeb ma' brigantin Venezjan jismu l-Malipera li darbtejn kien għoddu għereq. Imma, bil-għajnuna t'Alla, wasluVenezja.

Wasal Venezja, minn naħa, disilluż għall-aħħar u min-naħa l-oħra, kien ikkonvinċa ruħu li jekk ried jaħdem fl-Art Imdaddsa qalb il-Mawmettani, kien meħtieġ li ma jibqax sempliċi Lajk , imma li jsir qassis. Hekk biss kien ikun jista' jaqla l-permess speċjali minn għand il-Papa biex jibqa' jgħix  Ġerusalemm. U biex jieħu l-Ordni Sagri, kien jeħtieġlu jibda jistudja l-latin li dak iż-żmien kien il-lingwa tal-Knisja u kellu bżonn li jinżel aktar fil-fond fit-tagħlim tal-Knisja. Barra minn hekk, biex ikun jista' jgħallem, kellu bżonn ta' lawrja fit-teoloġija.

Telaq, għalhekk, bil-mixi lejn Ġenova biex imur Barċellona. Għax minn Barċellona kien ikun faċli għalih li jmur Manresa fejn ċertu Benedittin  xwejjaħ kien offrielu li jgħallmu l-latin. Imma x'ħin wasal Barċellona sama' li dak il-patri kien miet. Il-latin kien sa jkollu jistudjah f'Barċellona.

B'xorti tajba, waħda benefattriċi jisimha Inez Pascual, li kellha ħanut tal-merċa, offrietlu kamra żgħira fuq il-ħanut fejn joqgħod u benfattriċi oħra, Dona Isabel Roser, meta saret taf li jixtieq jibda jistudja għal qassis, offrietlu l-flus biex iħallas l-iskola.

Injazju issa kellu fuq it-tletin sena. Biex jitgħallem il-latin beda jattendi skola privata li ċertu Senjor Andrevol kien fetaħ f'daru  stess biex idaħħal xi sold barrani. Għax għalkemm Andrevol kien bniedem għaref, kellu familja kbira x'irabbi.

Sab ruħu ma' klassi tfal ta' tnax-il sena li malajr laqqmuh “Ix-Xiħ''. Imma t-tgħajjir tat-tfal ma kienx sa jtellfu l-konċentrazzjoni ta' l-istudju. Difatti,f'sena nofs taħt it-tutur Andrevol, tgħallem biżżejjed biex jidħol
l-Universita' ta' Alkala', waħda mill-aktar magħrufin ta' Spanja. Kien ħaseb  li hemmhekk kien jieħu l-lawrja ta' Baċillier fil-filosofija u jkun jista' jibda l-kors proprju tat-teoloġija.

Imma x-xitan ma ħamilx. Għax barra mill-istudju, beda jgħallem il-katekiżmu lit-tfal u beda jlaqqa' grupp ta' żgħażagħ sħabu biex jagħtihom l-''Eżerċizzi'' li kien kiteb f'Manresa. Dan ma damx ma wasslu biex jikser difru ma' L-Ingiżizzjoni.Għax l-ewwelnett it-tagħlim tal-katekiżmu kien xogħol tal-qassisin biss u Injazju kien għadu sempliċi lajk, u, t-tieninett, ried jgħarbel bir-reqqa dak il-kors ta' l-Eżerċizzi li Injazju kien beda jagħti liż- żgħażagħ. Tefgħuh fil-ħabs ta' l-Ingiżitur u ma ħariġx minn hemm qabel ħmistax-il jum. Fis-sentenza, l-Ingiżitur  ipprojbixxa lil Injazju li jgħallem  il-katekiżmu u t-tieninett, għalkemm fl-Eżerċizzi ma kien sab  xejn li jmur kontra l-fidi u l-morali, pprojbielu li jkompli jagħti l-Eżerċizzi lil sħabu l-istudenti.

Għal Injazju din kienet sentenza skomda ħafna. Biex ma jkollux  l-Ingiżizzjoni għassa tiegħu,Injazju ddeċieda li ma jibqax fl-Universita' ta' Alkala', imma jmur ikompli l-kors tal-baċillerat fl-Universita' ta' Salamanka. Salamanka kienet forsi l-aktar Universita' magħrufa fi Spanja, immexxija mid-Dumnikani. Imma s-suspett ta' ereżija li kien qam kontra Injazju f'Alkala' ma damx ma qajjem rasu wkoll f'Salamanka.Bilkemm kien ilu hemm tliet xhur li ma reġax sab ruħu maqful il-ħabs ta' l-Ingiżizzjoni  f'Salamanka. Did-darba, fuq suspett li kien imdakkar mit-tagħlim ta' Erasmu! Reġgħu eżaminawlu il-ktieb ta' l-Eżerċizzi bir-reqqa. Għalkemm ma sabu xejn li kien imur kontra t-tagħlim tal-Knisja, ipprojbewlu li jippriedka jew ifisser it-tagħlim tal-Knisja qabel ma jieħu lawrja minn Universita' rispettata. Sadattant, Injazju, wara sena u nofs f'Alkala' u tliet xhur f'Salamanka, kien għadu bla ebda ċertifikat ta' lawrja f'idejh. U ż-żmien kien għaddej. Kien diġa' qabeż it-tlieta u tletin sena ta' ħajtu.

Għalhekk, Injazju qatagħha li jħalli l-universitajiet ta' Spanja u l-kors imur jispiċċah f'Pariġi, fis-Sorbonne.

Fi triqtu lejn Pariġi għadda minn Barċellona u ltaqa' ma' dawk iż-żewġ benfattriċi, Ineż Pascual u Dona Isabel Roser, li fornewh bi flus għall-iskola u bi ħmar biex fuqu jasal Pariġi.

Is-Sorbonne inkiteb bħala student fil-Kulleġġ ta' Montagu, magħruf ħafna għall-istudji tal-lingwi, fejn, l-ewwelnett, kellu jistudja aktar fil-fond l-ilsien latin. Għax f'dik l-Universita' ħadd ma seta' jibda l-kors tal-filosofija u tat-teoloġija jekk qabel xejn ma jkunx imħarreġ sewwa fl-ilsien latin. Għalih innifsu kera daqsxejn ta' gorboċ fil-Kwartier Saint Jacques  fuq l-għolja fejn dak iż-żmien kien hemm ħafna mtieħen jitħnu l-qamħ għall-fqar. (Il-lum minn dawk l-imtieħan ma fadax ħlief waħda, jisimha l-Moulin Rouge. Imma m'għadhiex titħan il-qamħ għall-fqar!) Miegħu, ġo dak il-gorboċ kienu joqogħdu xi studenti oħra li wieħed minnhom seraqlu dik il-kemxa li Injazju kien ġab miegħu minn għand Dona Isabel Roser biex iħallas il-miżati ta' l-Universita'.

Injazju sab ruħu lampa stampa. Biex ikollu x'jiekol kien irid joħroġ jittallab u biex ħallas il-miżata ta' l-Universita', fil-vaganzi tal-Milied mar Amsterdam  fl-Olanda, ċentru tal-kummerċ, fejn iltaqa' ma' kummerċjanti Spanjoli li ħennew għalih. Ġab lura miegħu minn Amsterdamm kemxa ġmielha, li biha ħallas kemm għalih u kemm għal xi studenti oħra foqra. Mill- Kulleġġ ta' Montagu, Injazju ħa d-diploma ta' profiċjenza fil-latin biex hekk, f'Settembru tas-sena ta wara, seta' jibda l-kors tal-filosofija.

Għall-filosofija nkiteb fil-Kulleġġ Sainte Barbe. Kien f'dak iż-żmien  tiegħu fil-Kulleġġ Sainte Barbe li Injazju reġa' beda jiġbor madwaru grupp ta' studenti sħabu. Kienu ta' diversi nazzjonalitajiet, imma kollha kienu  għamlu l-Eżerċizzi Spiritwali taħt it-treġija ta' Injazju u kollha saru midħla sewwa ta' xulxin. Il-Grupp beda jsejjaħ lilu nnifsu “Amigos'' jew “Ħbieb'' għax kienu saru ħbieb tassew. Min kien miktub f'Kulleġġ u min kien miktub f'xi ieħor; min kien jistudja l-filosofija u min kien jistudja t-teoloġija; imma  kollha kienu qed jistudjaw fl-Universita' tas-Sorbonne. Wieħed fost dawn  il-''Ħbieb' kien diġa' ordnat qassis f'pajjiżu iżda wara l-quddiesa, kien mar Pariġi biex jieħu lawrja fit-teoloġija. Kienu jiltaqgħu għat-talb flimkien  f'dati fissi.

Fost il-membri ta' dal-Grupp ta' Ħbieb, barra minn Injazju, kien hemm tnejn oħra  li lilna jinteressawna b'mod  speċjali: wieħed kien in-nobbli Franġisku  De Yasu minn Javier u l-ieħor Pietru Favre. Dis-sena taħbat għeluq l-450 sena  mill-mewt ta' Injazju ul-500 sena mit-twelid ta' Pietru Favre u ta' Franġisku minn Javier.

Pietru Favre kien twieled ħdejn Chamonix fuq il-muntanji tas-Savoy. Niesu kienu raħlija, jaħdmu  r-raba' u jirgħu l-imrieħel. Imma ż-żagħżugħ Pietru Favre ħalla l-imrieħel tal-familja u daħal is-Seminarju jistudja għal qassis. Għat-teoloġija mar is-Sorbonne fejn iltaqa' ma' Injazju. Meta ltaqgħu, Pietru kien qed jistudja t-teoloġija fil-Kulleġġ Sainte Barbe  waqt li Injazju  kien għadu kif beda l-kors tal-filosofija. F'Sainte Barbe l-istudenti kienu jikru kamra u joqogħdu fiha, erbgħa f'kull kamra. Billi fi l-kamra kienu  diġa'  joqogħdu Pietru Favre ,Franġisku  Yasu minn  Javier u ieħor, kien għad fadal sodda u mejda għal ieħor. U kien dak ir-raba' post li kera Injazju!

In-nobbli Franġisku, Bask minn Javier,  kien popolari ħafna fost l-istudenti. . . mhux għall-istudju, imma għall-isports.  Għall-ewwel ma ħadux pjaċir li ġo  l-istess kamra daħal joqgħod  Injazju, raġel izappap ta' 'l fuq minn 33 sena. Imma, meta raw li Injazju kien jaqla' ħafna karita' u biha kien iħallas il-biċċa l-kbira  tal-kera tal-kamra kollha, aċċettawh bħala seħibhom.

Bħala karattru, Pietru Favre kien ġuvni tipiku tal-kampanja. Il-bixra ta' wiċċu u ta' persuntu kienu ta' kampanjol, imma kien jinqala' ħafna għall-istudju. Moħħu kien fin u kien jaf tajjeb il-Grieg u l-filososifija. Il-quddiesa  ħadha sentejn wara li sar jaf lil Injazju. Meta, l-Grupp tal-Ħbieb għamlu l-famuża Wegħda fuq Montmartre li lkoll flimkien, wara li jispiċċaw l-istudji, jmorru jaħdmu qalb il-Mawmettani fl-Art Imqaddsa, Pietru kien li qaddsilhom  il-quddiesa u huma lkoll irċevew l-ostja minn idejh. Għax hu biss minn fosthom  kien għadu kif ordna saċerdot. Aktar tard, bħala Ġiżwita, kien jinqala' ħafna bħala kappillan fl-isptarjiet u biex jagħti l-Eżerċizzi Spiritwali lin-nies tax-xogħol. Kien Favre li ġibed lejn il-Kumpanija ta' Ġesu' lil Claude Le Jay, li għalkemm  mistħi u iben ir-raba' bħalu, Alla nqeda bih biex jidħol fil-Kumpanija Pietru Kanisju li baqa' msemmi bħala t-Tieni Appostlu tal-Ġermanja.

Ieħor, - kif aċċennajna, - minn dawk l-erba' studenti li kellhom il-mejda u  s-sodda tagħhom fl-istess kamra ġol-Kulleġġ Sainte Barbe, kien  Franġisku  De Yasu , bin nobbli Bask minn Javier. Franġisku, bħala karattru kien l-oppost ta' Injazju. Għalkemm  mill-familja kien ta' demm nobbli bħal Injazju, Franġisku kien jieħu ħsieb persuntu ħafna aktar minn Injazju. Bwietu, pero', kienu jkunu dejjem xotti. Għax kull sold li kienu jibagħtulu mid-dar, kien itajru  biex jixtri l-aħħar ħwejjeġ tal-moda li bihom kien isaħħar ix-xbejbiet. B'saqajh  twal u b'persuntu misluta, kien iġorr l-aqwa tazzi fit-tlielaq u fil-High  Jump.

Injazju dam jistadu ħafna lil Franġisku. Għax donnu intebaħ mill-ewwel li minn Franġisku jagħmel għodda maħtura biex iwassal il-messaġġ ta' Kristu.  U ma marx imqarraq Injazju! Aktar tard, Franġisku sar l-akbar missjunarju li qatt  kellha l-Knisja u waħda mill-isbaħ ġawhar ta' qdusuja li qatt żejnu l-Kumpanija ta' Gesu'.
   
IL-WEGĦDA TA' MONTMARTRE

Intant, sa sentejn wara li Injazju mar joqgħod fil-kulleġġ Saint Barbe, il-Grupp tal-Ħbieb kien issoda u kiber għal sebgħa. Imħabba l-ħbiberija ta' bejniethom u sforz il-ħerqa tagħhom li jaħdmu fis-servizz ta' Kristu,  ftiehmu bejniethom  li wara li jispiċċaw l-istudji tal-lawrja, imorru kollha  flimkien  il-Palestina biex jaħdmu għall-konverżjoni tal-Misilmin. Għax dak iż-żmien, l-Art Imqaddsa kienet taħt il-ħakma ta' Sulejman il-Kbir.

Fil-festa ta' l-Assunta, ltaqgħu lkoll fuq Montmartre, f'kappella fil-ġnien tas-Sorijiet Benedittini u wiegħdu solennement lil Alla u lil xulxin li:- “ hekk kif jieħdu l-lawrja fit-teoloġija mis-Sorbonne, imorru l- Palestina biex jaħdmu għall-konverżjoni tal- Misilmin. Imma, jekk, sa sena  wara, ma jkunux sabu ġifen lejn Ġaffa, jew, jekk ma jkunux qalgħu l-permess minn għand l-Awtoritajiet Ekklesjastiċi biex jgħixu fl-Art Imqaddsa, (huma) jwiegħdu li jmorru flimkien  għand il-Papa nnifsu ġewwa Ruma biex joffru s-servizz tagħhom lill-Qdusija Tiegħu u li jmorru b'xejn kull fejn jibgħathom u kull fejn ikun jidhirlu Hu li l-aktar hemm bżonnhom għall-ġid ta' l-erwieħ''.

Dik il-Wegħda (jew Voti) ta' Montmartre kienet ta' importanza kbira. Għax kienet l-ewwel ġebla fit-twaqqif tal-Kumpanija ta' Ġesu'. Dak in-nhar kien jum memorabbli u qaddis. Imma l-mod ta' kif, pass pass, Injazju u l-ewwel membri ta' dak il-Grupp waslu biex jagħżlu lil Injazju bħala l- ewwel Ġeneral tal-Kumpanija nispjegawh aktar 'il quddiem.

Ix-xitan donnu ma ħamilx jara l-ġid li kien sa joħroġ frott tal- Wegħda ta' Montmartre. Ftit xhur biss wara l-Wegħda ta' Montmartre, Injazju bdew jagħtuh uġigħat kbar f'ġenbu li la jħalluh jistudja u lanqas jorqod. L-uniku rimedju li ordna t-tabib kien li Injazju kellu bżonn l-arja pura ta' pajjiżu. Injazju, naturalment ma xtaqx jinfired minn sħabu u xtaq jispiċċa l-aħħar sena tal-kors tat-teoloġija. Sħabu kollha qablu li l-ewwelnett, kellu jieħu saħħtu. Qabel ma nfired minnhom kollha ftiehmu li kellhom jiltaqgħu  kollha flimkien   f' Venezja fis-sajf ta' sentejn wara biex jaqbdu l-ġifen lejn l-Art Imqaddsa.

Billi saħħtu kienet ħażina, sħabu ma ħallewhx  jimxi minn Pariġi  għal Biskajja. Bil-għajnuna ta' xi benefatturi, xtrawlu żiemel biex, almenu,  seta' jirkeb fuq il-karettun. Ġibed l-ewwel għal Bordeaux u minn Bordeaux baqa' sejjer lejn Irun fuq il-fruntiera ta' bejn Franza u Spanja. Iżda minn Irun ma baqax sejjer dritt lejn il-kastell ta' Loyola. Ir-raġuni ta' dan kollu kienet waħda persunali u minsuġa fl-istorja tal-familja. Għax meta miet ħuh il-kbir, Juan, il-kastell wirtu ħuh ta' wara Juan,Martin. U Martin ma kienx qed jgħix sewwa. Għalkemm kien miżżewweġ, kien spiss
jilqa' fil-kastell waħda ħabiba li minnha kellu almenu żewġt itfal. Għal dir-raġuni li semagħha meta kien Irun, Injazju għażel li ma jmurx joqgħod Loyola. Mar f' belt żgħira qrib ta' Loyola, jisimha Aspejzja, fejn kien hemm sptar tal-foqra msejjaħ “Sptar ta' Santa Madalena''. Almenu hemmhekk kien ikollu saqaf għal fuq rasu. Għall-ikel kien joħroġ jittallab bħal sħabu l-foqra l-oħra.

Ħuh Martin ma ħax pjaċirr li Injazju ma kienx mar għall-kura fil-kastell  u li kien qed jittallab. Deherlu li b' hekk Injazju kien qed iwaqqa' l-isem tal-familja. Mar ikellmu u żammlu iebes. Imma Injazju żamm iebes aktar minnu. Aċċetta biss li meta jkun marid aktar mis-soltu, tmur in-nepputija, bint Martin, biex issaħħanlu xi platt brodu.

Hekk kif Injazju ħassu ftit aħjar, beda joħroġ jgħallem il-katekiżmu lil ċorma tfal imċerċra wlied il-foqra. Ħuh Martin lanqas b'dan ma ħa gost. Għax deherlu li wlied il-foqra mhux tagħlim tad-duttrina
kellhom bżonn, iżda xi loqma ħobż.

B'dankollu, b'sorpriża kbira għal Injazju, meta l-għada Injazju ħareġ bil-qanpiena f'idu biex jiġbor it-tfal fil-pjazza għad-duttrina, jsib lil Martin bil-qiegħda fl-ewwel bank, jisimgħu b'attenzjoni kbira. U l-kliem li sama' ma tarx mar-riħ. Għax Martin qaċċat lil ħabibtu minn ġol-kastell u ordna lill-qaddejja tiegħu li,  minn dakinhar  'il quddiem,
mat-tokk ta' nofsinhar,  jibdew jaħmu tużżana ħobż biex iqassmuhom lill-foqra ta' Aspejzja.

Injazju dam f' Aspejzja għall-kura ħames xhur u bil-priedki tiegħu u bl-appoġġ tas-Sindku, irnexxielu jagħlaq ħafna ħwienet li fihom kien isir il-logħob ta' l-azzard. Irnexxielu wkoll irażżan ċertu abbuż li kien imxerred ħafna fost ix-xebbiet, li, bla mistħija, kienu jdendlu velu quddiem għajnejhom bħala sinjal li huma l-girl friends ta' xi miżżewweġ
jew, agħar u agħar, ta' xi ġuvni li kien ħa t-tonsura biex isir qassis.

Bit-tħabrik ta' Injazju, is-Sindku ħareġ ordni li:- “Jekk xi xebba  ddendel il-velu quddiem wiċċha għal xi miżżewweġ jew għal xiħadd li  diġa' ħa t-tonsura, din kellha tittella' l-qorti u tiġi mixħuta l-ħabs għal mhux  anqas minn sebat ijiem.'' Din l-ordni naqqset, imqar jekk ma qerditx għal kollox, dak l-abbuż.

Meta ħassu li ġej għall-aħjar, Injazju beda wkoll jippriedka kull nhar ta' Erbgħa u nhar ta' Ġimgħa lil folol ta' nies li kull ma jmur kienu  jiżdiedu.Tant li l-knisja ma baqgħetx tesagħhom u kien ikollu jagħmel il-priedka fil-pjazza ta' quddiem il-knisja.

Dan kollu, Injazju kien jagħmlu meta suppost li kien qed jistrieħ u jieħu l-arja nadifa ta' Biskajja! Għeluq il-ħames xhur, ħassu tant imfejjaq, li ħejja kollox biex jaqbad it-triq lejn Venezja fejn, skond il-ftehim, kellu jiltaqa' ma' sħabu l-oħra ta' Pariġi. Kien fieq qabel iż-żmien. Għax il-ftehim mal- “Ħbieb'' kien li jiltaqa' magħhom f'Awwissu tas-sena ta' wara.

Dak l-aħħar lejl tal-kura, issa li Martin kien qaċċat lin-namrata mill-kastell ta' Loyola, Injazju mar għaddih għandu, fil-kastell tal-familja. Din kienet l-aħħar darba fil-ħajja ta' Injazju li kellu jara dak il-kastell fejn kien trabba. L għada filgħodu, bil-mixi, qabad it-triq twila lejn Venezja.

Qrib Pamplona, f'Javier, għadda jagħmel vista  lil tal-familja ta' sieħbu Franġisku. Tahom l-aħbarijiet ta' x'kien qed jiġri Pariġi u qawwielhom qalbhom li Franġisku kien kuntent ħafna bil-għażla li kien għażel li jmur jaħdem fl-Art Imqaddsa. Meta ħut Franġisku riedu jtuh il-flus biex il-Grupp tal-Ħbieb ikollhom biex iħallsu l-biljett minn Venezja għal Ġaffa, Injazju ma ħadhomx. Ried biss imur iżur il-familji tat-tliet sħabu l-oħra Spanjoli: Bobadilla, f'Madrid; Salmeron, f' Toledo; u Diego Lainez, ħdejn Valenzja. F' Valenzja, ltaqa' wkoll ma' Juan de Castro, li għal xi żmien kien jagħmel parti mill-Grupp tal-Ħbieb, imma, li kien ħalla l-Grupp biex daħal Kartużjan. Minn għand ħabib ta' dan Juan de Castro, ċertu Don Juan Perez, Injazju aċċetta l-flus biex iħallas il-kabina fuq il-ġifen minn Valenzja għal Ġenova.

Il-ġifen għamel waqfa waħda qasira fil-port ta' Barċellona, kemm għabba xi merkanzija, li matulha, Injazju kellu ħin biss iżur il-benefattriċi tiegħu, Dona Isabel Roser, li spjegalha li kellu l-ħsieb li jmur l-Universita' ta' Bolonja biex jispiċċa r-raba' sena tat-teoloġija qabel ma jasal Venezja biex jiltaqa' mal-Grupp tal-Ħbieb is-sajf tas-sena ta' wara. Ferħet bih ħafna u tatu flus biżżejjed biex iħallas għall-istudju fl-Universita'.

Il-ġifen salpa minn Barċellona u wasal Ġenova b'wiċċ il-ġid u, hekk kif miss il-moll, Injazju telaq lejn Bolonja. F'moħħu – kif għedna – kellu l-ħsieb iredden li jilħaq jispiċċa hemm l-aħħar sena  tat-teoloġija qabel ma jiltaqa' ma' ħbiebu li kien ħalla Pariġi, qabel ma dawn  jilħqu jaslu Venezja.

Imma,l-pjan ta' Bolonja ma rnexxiex. L-ewwelnett, għax lanqas kien  għadu daħal fil-belt, meta mar jaqsam ix-xmara minn fuq pont ta' l-injam li kif rifes delgħa, nqasmet taħt saqajh b'tifqigħa u hu sab ruħu mħawwel fil-ħama b'partita tfal jiddieħku bih. It-tieninett, meta mar jittallab loqma ħobż, il-Bolonjiżi kollha keċċewh għax ħadd minnhom ma riedu jċappas l-għatba ta' daru; u t-tielet, b'dik it-tixriba li kien ħa fl-ilma tax-xmara, qabdu deni ta' żiemel għal għaxart  ijiem, daqqa maħsul bil-għaraq, u daqqa, jċekċek snienu bil-bard. F'dawn is-sinjali kollha, Injazju ra li Alla ma riedux jieqaf Bolonja. Hekk kif kien jiflaħ jimxi, qabad it-triq lejn Venezja bla ma biss beda  l-kors fl-Universita'.

Jasal Venezja u jsib biċċa saram ieħor. Isib li l-istudenti tat-teoloġija kienu jmorru għal-lezzjonijet ġo Padova. Izappap kif kien,  ma setax joqgħod ġej u sejjer lejn Padova! Kien jaqbillu aktar li jibqa'  Venezja u jistudja waħdu fuq il-kotba. Fejn ikollu xi diffikulta' kien jista' jistaqsiha lil Andea Lippomani, r-rettur tal-knisja tat- Trinita' ta' Venezja. Lippomani kien iggradwat fit-teoloġija u bħala gradwat, kellu d-dritt jippreżenta l-istudenti tiegħu għall-eżami finali tat-teoloġija ta' l-Universita' ta' Padova. B'hekk kien jiffranka dak il-ġej u sejjer ta' kuljum lejn Padova.

F'dik is-sena li dam Venezja, Injazju sar midħla sewwa ta' ċertu Monsinjur għaref jismu Caraffa li dik  il-ħabta, flimkien ma' xi ħbieb  oħra, fosthom San Gejtanu ta' Tjieni, kien qed iwaqqaf Ordni Ġdid tat-Teatini. Imma Injazju u Caraffa ma setgħux jaqblu fuq kif għandu jiġi osservat il-vot tal-Faqar. Caraffa kien ried li l-patrijiet jibqgħu il-kunvent jitolbu u, meta jsir il-ħin ta' l-ikel idoqqu qanpiena biex il-Providenza tipprovdilhom x'jieklu. Injazju deherlu li b'dan il-mod, tkun qed tittanta lil Alla. Għax, imqar il-Franġiskani, magħrufin għall-faqar, kienu joħorġu jagħmlu ċ-ċirka. Insomma, deher ċar li Caraffa u Injazju ma kienux jaqblu fi ħsibijiethom! U dan seta' forsi jibqa' bħala nuqqas ta' qbil fuq suġġett filosofiku, li kieku mhux għax ftit wara, Caraffa ġie msejjaħ Ruma biex laħħquh Kardinal u wara l-mewt tal-Papa Adrijanu, laħaq Papa hu, bl-isem ta' Pawlu Tlieta.

Konna ħallejna l-Grupp tal-Ħbieb Pariġi jistudjaw biex jieħdu l-lawrja. Minn meta Injazju nfired minnhom għall-kura, kienu għaddew sentejn. Mas-sitta li ħalla warajh Injazju kienu daħlu fil-Grupp  tlieta oħra Franċiżi : Claude Le Jay, Paschase Broet (li kien diġa' jqaddes), u Jean Codure. Is-sitta saru disgħa. Meta wasal iż-żmien li jitilqu lejn Venezja skond il-ftehim ta' Montmartre, u biex ma jagħtux fil-għajn, inqasmu f'żewġ gruppi  u ltaqgħu biss f'post miftiehem fit-triq lejn l-Isvizzera.

Kull wieħed mill-gruppi ħa ħsieb li fih ikun hemm xiħadd li hu Franċiż jew li jitħaddet sewwa bil-Franċiż biex f'każ ta' bżonn  jirrispondi hu (għax billi Franza u Spanja kienu miksurin bejniethom, ma riedux juru li fosthom kien hemm l-Ispanjoli).

Injazju laqagħhom ta' Ħbieb li kienu. Huma intruduċewlu it-tlieta l-ġodda u hu, b'sorpriża, introduċielhom tlieta oħra li kien daħħal hu tul dik is-sena li kien ilu Venezja. Dawn kienu Spanjoli: Diego Hoċes u żewġt  aħwa Diego u Stiefnu Eguia. Ferħu b'xulxin. Għannqu lil xukxin, jifirħu u jibku f'daqqa.

Sakemm tgħaddi dik is-sena biex iġibu l-permess imorru fl-Art Imqaddsa, Injazju bagħathom f'diversi sptarijiet u parroċċi waqt li hu nnifsu baqa'  għand Andrea Lippomani jistudja t-teoloġija qabel jieħu l-ordinazzjoni
saċerdotali.

Kollha kienu jafu li biex  imorru fl-Art Imqaddsa kienu jridu l-permess  minn għand il-Papa nnifsu. Imma l-Papa l-Gdid kien Pawlu Erbgħa, dak l-istess Caraffa li miegħu Injazju kien xellef difru fuq l-osservanza tal-Faqar. Injazju kien tant imbeżża' minn dal-Papa, li biex iġibu l-permess meħtieġ, ma marx huwa nnifsu għand il-Papa imma
bagħat delegazzjoni minn fosthom.

Il-providenza t'Alla wriet  li dan kien kollu biża' ta' xejn. Għax meta d-delegati fissru lill-Papa xi xtaqu jagħmlu għall-Knisja ta' Kristu, il-Papa Pawlu feraħ mhux ftit li Ġemgħa ta' tnax-il gradwat ta' l-Universita' ta' Pariġi riedu jsiru missjunarji. Biex jurihom kemm ħa gost bit-talba tagħhom, tahom minn butu kemxa flus biex iħallsu għall-vjaġġ minn Venezja għall-Art Imqaddsa. U feraħ, forsi aktar, xħin fissrulu li jekk dal-vjaġġ ma jirnexxix, huma wegħdu li joffru s-servizz tagħhom Lilu personali biex jaqduh f'kull xogħol li kellu f' moħħu Hu. Wissiehom, b'dankollu, li s-sitwazzjoni politika bejn id-Doġe ta' Venezja u Sulejman kienet qed teħżien minn jum għall-ieħor.Di fatti kisru kull relazzjoni bejniethom meta Sulejman invada l-gżira ta' Korfu f' bieb l-Adrijatiku u attakka bil-flotta tiegħu xi portjiet fi Sqallija. Il-ġifen tal-pellegrini ta' dik is-sena ma salpax u, bil-permess tal-Papa b'kollox, ma setgħux imorru l-Art Imqaddsa.

Iddeċidew, għalhekk, li jistennew sena oħra li matulha, flok jaħdmu fl-isptarijiet, Injazju u sħabu bdew jgħallmu t-teoeloġija f'diversi universitajiet Taljani u fis-sajf ta' wara, fi gruppi ta' tlieta tlieta, kollha telqu lejn Ruma biex imorru joffru s-servizz tagħhom lill-Papa. Fil-grupp li fih ivvjaġġa Injazju kien hemm Pietru Favre u Diegu Lainez.

IL-VIŻJONI TA'  LA STORTA


Meta dawn it-tlieta kienu kważi waslu Ruma, daħlu jinvistaw daqsxejn ta' kappella tal-Madonna, imsejħa “La Storta'',fuq Via Cassia. Wara li straħu xi ftit, Injazju daħal jitlob fil-kappella meta, f'daqqa waħda, ra viżjoni profetika li baqgħet tissemma bħala l-Viżjoni ta' La Storta. Ra quddiem għajnejh lill-Missier u semgħu jgħid lil Ibnu Ġesu':-

“Irrid li 'l dan  għal Miegħek inti ssieħeb''
waqt li b'subgħajh wera lil Injazju. L-Iben kien qed iġorr fuq spalltu salib tqil, waqt li f'idu kellu stendard iperper li fuqu kien hemm impinġi salib aħmar. L-Iben ħares lejn Injazju u qal lill-Missier:- : ''Irrid li Lilna jaqdi. Magħkom inkun f'kull ħtieġa ġewwa Ruma''

Billi Ġesu' qal “magħkom'', Injazju fehem li dak li qal lilu kien kien jinkludi wkoll lil sħabu kollha. Bil-ferħ li qabad lil dawn it-tlieta, il-ftit kilometri li kien fadal għal Ruma lanqas jafu kif taru minn taħt riġlejhom. Daħlu Ruma u, bi ftit flus, krew dar imħarbta fuq il-Pincio ħdejn il-knisja ta' Trinita' dei Monti biex jistennew il-gruppi l-oħra jaslu. Malajr inxteħtu għax-xogħol tal-predikazzjoni u bdew jagħtu l-Eżerċizzi. Injazju beda jippriedka bl-Ispanjol fil-knisja tal-Madonna ta' Montserrat; Favre beda kors ta' priedki tar-randan f' San Lorenzo u flimkien ma' Diego Lainez, beda jgħallem fl-universita' ta' Ruma.

Imma x-xitan reġa' ma ħamilx jara l-ġid li kien qed isir u malajr sferra fuq dawn it-tlieta l-ewwel riefnu aħrax ġo Ruma. Inqeda b'ċertu Reliġjuż jismu padre Mainardi li għalkemm kien għadu jilbes iċ-ċoqqa ta' Franġiskan, kien, minn taħt, iddakkar bit-tagħlim qarrieq ta' Luteru. Mainardi kien predikatur magħruf. Favre u Lainez marru jisimgħu il-kors tal-priedki tiegħu u, bi stagħġib tagħhom, semgħuh b'widnejhom stess ifisser it-tagħlim eretiku ta' Luteru. Meta ppruvaw iwiddbuh, Mainardi ħa għalih. Flok ammetta l-iżball tiegħu, mar gżahom lill-Ingiżitur li Injazju u l-grupp tiegħu ta' gradwati tas-Sorbonne, kienu qegħdin iħassru l-imħuħ taż-żgħażagħ u li kemm fi Spanja kif ukoll f'Pariġi, kienu mfittxija mill-Ingiżitur!

Akkuża bħal dik, għalkemm ma kinetx ħlief qlajja, ma setgħetx ħlief titfa' lil Injazju u 'l sħabu taħt dell ikreh ta' ereżija. Kienet akkuża serja ħafna. Għax, kif setgħu jmorru joffru s-servizz tagħhom lill-Papa -  kif kienu ftiehmu li jagħmlu -  meta fuq rashom kellhom id-dell tal-ereżija tal-Luteranismu?

Injazju ħassu fid-dmir li jiftaħ kawża hu kontra dawk li xlewh. Imma sakemm dik l-imbierka kawża nqatgħet mill-Ingiżitur ta' Ruma, u sakemm inġabret ix-xhieda minn Spanja u minn Pariġi, kellha bilfors tgħaddi sena ta' nkwiet kbir għal Injazju u għal sħabu.

Matul dik is-sena, sħabu l-oħra kollha laħqu ġew minn Venezja u flok dik id-dar imħarbta ta' fuq il-Pincio, Injazju kien laħaq kera dar  oħra aktar ċentrali f' Via dei Delfini li bdew isejħulha Casa Franġipani għax kienu krewha minn għand ċertu Signor Franġipani.Sakemm inqatgħet is-sentenza il-Grupp tal-Ħbieb kienu diġa' marru joqogħdu fiha. Kienet dar kbira li kien ilha ħafna għall-kiri. Krewha bil-ħbub. Għax in-nies kienu jgħidu li fiha jaraw il-ħares. Imma għal Injazju u sħabu, mhux talli qatt ma raw fiha ebda ħares, imma talli kellha tintrabat mal-ġrajjiet storiċi tat-twaqqif tal-Kumpanija ta' Ġesu'. Fiha kienu joqogħdu meta nqatgħet is-sentenza favur tagħhom u fiha kienu joqogħdu meta l-Papa Pawlu Tlieta approva l-Kumpanija bħala Ordni gdid fil-Knisja. Kien minn dik id-dar li Franġisku Saverju telaq bħala missjunarju lejn l-Indja!

Lanqas laħqet ħarġet l-aħbar li l-l-kawża kienet intrebħet u li l-Ingiżitur kien illiberahom minn kull akkuża kontrihom, li ma ġrewx għal għand il-Papa biex joffrulu s-setrvizz tagħhom għal kull fejn u għal kull xogħol li jagħżel il-Papa għal kull wieħed minnhom.

Il-Papa laqagħhom b'idejh miftuħa. X' ma jaċċettax is-servizz ta' tnax-il saċerdot gradwati fit-teoloġija mill-universita' ta' Pariġi? Beda jsibilhom ix-xogħol dak il-ħin stess. Lil Broet bagħtu jmexxi r-riforma tal-kunventi tas-sorijiet fi  Siena; lil Franġisku minn Javier, fuq talba li l-Papa kellu mir-Re tal-Portugall, bagħtu bħala Delegat persuali tiegħu fil-Lvant Imbiegħed biex iwaqqaf knejjes ġodda f'dawk il-portijiet li kienu għadhom kemm ikkolonizzaw il-Portugiżi. Lil tnejn oħra bagħathom fit-tramuntana ta' l-Ewropa fejn kenet qed tinxtered l-ereżija ta' Luteru.

Injazju li wara l-aħħar sena tat-teoloġija taħt Lippomani  kien ordnat qassis,issa qaddes l-Ewwel Quddiesa tiegħu fuq l-artal tal-Maxtura tal-Bambin li hemm taħt l-artal Maġġur tal-bażilka ta' Santa Maria Maggiore. Għax kien fehem li dak l-artal tal-Maxtura ta' Betlem kien l-eqreb post lejn l-Art Imqaddsa li qatt kien sa jkollu l-grazzja li jirfes f'ħajtu. Kollha kienu ferħanin sa jtiru li l-ħolma ta' Montmartre kienet bdiet isseħħ.
   
IT-TWAQQIF TAL-KUMPANIJA TA' ĠESU'

Imma l-istess laqgħa tajba li kellhom mill-Papa nebbħithom, li, jekk sa jixterdu, il-Papa ma kienx sa jkollu  aktar lil min jibgħat! Bdew iħossu l-ħtieġa li jitolbu lill-Papa  jwaqqaf għalihom Ordni Reliġjuż Ġdid biex hekk ix-xogħol fejjied li kien qed jagħmel kull individwu, ikun jista' jitkompla, għall-ġid tal-Knisja,meta dak l-individwu jimrad jew jixjieħ.

Wara ħafna talb u deliberazzjonijiet, iddeċidew li jagħmlu talba formali lill-Papa biex iwaqqdfu Ordni Ġdid tar-Reliġjużi. Qablu  li jagħżlu minn fosthom Superjur. Kitbu , mbagħad, il-qafas f'ħames kapitli ta' kif jixtiequ li jkun dan l-Ordni l-Ġdid. Fl-aħħar, niżżlu lkoll isimhom fuq il-parċmina li kellha tintbagħat lill-Papa . . .Caceres,Jean Codure, Diego Lainez,  Salmeron, Broet, Franġisku minn Javier,Bobadilla, Pietru  Favre, Injazju, Xmun Rodriguez u fl-aħħar,Le Jay.

Il-qofol ta'dawn il-kostituzzjonijiet ta' kif riedu dan l-Ordni Ġdid, kien jgħid hekk:- “Kull min irid bħala suldat jitqabad taħt l-istendard  bis-salib ta' Kristu għandu, fil-Kumpanija ta' Ġesu', flimkien mat-Tliet Voti ta' Faqar, Safa u Ubbidjenza, iżid Vot ieħor għażiż li jobdi lill-Papa mingħajr tlaqliq, kull fejn il-Papa jkun irid jibagħtu għall-glorja t'Alla u għall-ġid ta' l-erwieħ. It-tieni, l-uffizzju jkollu jgħidu kulħadd għal rasu, mhux kollha f'salt fil-kor kif jagħmlu religjużi oħra. It-tielet li n-Novizzi jdaħħalhom biss is-Superjur, u s-Superjur, la darba jkun magħżul, għandu jibqa' għal għomru u mhux jerġa' jinbidel kull ftit snin. Ir-raba', li ħadd ma kellu jiġi aċċettat bħala Membru Sħiħ tal-Kumpanija jekk ma jkunx, qabel xejn, ta provi ċari u wara ħafna taħriġ, li hu kapaċi jaqdi kull  ħtieġa ta' din l-istess Kumpanija. Il-ħames, li l-isem li bih kellu jkun magħruf dan l-Ordni kien:-''L-Iżgħar Kumpanija ta' Ġesu''' jew “Minima Societas Jesu''.

Hekk kif il-Papa Pawlu Erbgha fela sewwa dik il-parċmina, qal:- “Hawn nara s-saba' t'Alla!'' waqt li xi wħud mill-Kardinali nħasdu. Bdew jgħidu lill-Papa li Ordni bħal dan - bla kor flimkien - , kien sa jirrivoluzzjona l-idea ta' kif dejjem kienu l-Ordnijiet Reliġjużi sa dak iż-żmien! U l-biċċa ta' l-Ubbidjenza Speċjali lejn il-Papa nnifsu, ma kinetx żejda? Mhux l-Ordnijiet kollha jobdu lill-Papa? X' kien hemm ħtieġa ta' dal-Vot Speċjali?

Imma, ftit wara, Il-Papa Pawlu Erbgħa, fil-palazz ta' San Mark li hemm fi Pjazza Venezja, u bis-setgħa kollha li jagħtih il-Papat, niżżel  il-firma tiegħu biex sollennement approva l-Ordni l-Ġdid tal-Ġiżwiti.

Issa li kellhom l-Ordni l-Ġdid approvat, il-Ġiżwiti ltaqgħu biex jagħżlu l-Ewwel Patri Ġeneral tal-Kumpanija. Xħin għoddew il-karti tal voti li l-Patrijiet kienu xeħtu segretament fl-urna, sabu li kollha kienu għażlu lil Injazju! Injazju biss ma kienx ivvota għalih innifsu! Kien niżżel fil-karta tal-vot tiegħu li hu jagħżel minn fost sħabu kollha lil dak li sħabu jkunu għażlu bħala Ġeneral. Kien elett fl-1541. Kien wasal biex jagħlaq ħamsin sena.

Il-ħmistax-il sena li kien fadallu jgħix għaddihom bħala Ġeneral tal-Kumpanija ta' Ġesu'. Minn Ruma kważi ma tħarrek qatt. Xogħolu prinċipali kien li jikteb  u jirfina l-Kostituzzjonijiet kif ordnawlu jagħmel id-delegati ta' l-Ewwel Kongregazzjoni Ġenerali li għażlitu bħala l-ewwel Patri Ġeneral. Kien iżomm kuntatt kontinwu bl-ittri  ma'  sħabu li l-Papa kien ikun bagħat fuq missjonijiet diversi.

F'ħajtu bħala Ġeneral kiteb aktar minn tletin elf ittra, biċċa twal , fosthom il-famuża Ittra fuq  l-Ubbidjenza, u biċċa qsar, jirringrazzja lil dan jew dak il-benefattur. Il-ħerqa tiegħu kienet li jirċievi l-aħbarijiet dettaljati minn għand sħabu mxerrda fil-Missjonjiet, jitlob għalihomn u jagħmlilhom il-kuraġġ.  Lil Franġisku Saverju li kien qiegħed Goa, kitiblu li jrid jisma' minn għandu mhux biss kemm knejjes ġodda waqqaf, imma wkoll kemm briegħed jixorbu minn demmu  meta jkun jistrieħ fil-għarix! U Franġisku, min-naħa tiegħu, l-ittri ta' Injazju kien jaqrahom għar-rkubbtejh. Il-Kostituzzjonijiet kitibhom darbtejn u baqa' jemendahom sakemm  miet.

Moħħu kien ġenju ta' organizzazzjoni li ma jaħrablu ebda dettall li huwa nnifsu ma jkunx ra li hu prattiku. Tant kien prattiku l-mudell tal-Kostituzzjonijiet li kiteb, li serva biex fuqu, mhux biss imxiet il-Kumpanija, imma wkoll biex fuqu nbnew il-kostituzzjonijiet ta' ħafna Ordnijiet Ġodda li ġew warajh. Hu kien jeżamina u jaċċetta n-novizzi biex jibdew in-Novizzjat.

Fi Frar 1541 approva forma oħra ta' appostolat. . . dik tat-tagħlim fl-iskejjel. Fetaħ il-Kulleġġ Ruman li kellu jservi bħala mudell li fuqu jimxu tant kulleġġi oħra. Fl-1542 fetaħ il-Kulleġġ Ġermaniku ġewwa Ruma biex fiħ jiġu ttrenjati dawk li sa jintbagħtu jaħdmu fil-Ġermanja li t- tagħlim ta' Luteru kien irnexxielu jifred mill-Knisja.

Barra milli jiggverna l-Kumpanija, kemm dam Ġeneral ħa ħsieb ukoll il-bżonnijiet tal-foqra ta' Ruma. Kien iwieżen speċjalment  lil dawk il-Lhud li kienu jikkonvertu. Għax min, minn fosthom, kien jikkonverti għall-Kristjaneżmu, il-membri l-oħra tal-familja tiegħu kienu jaqtgħuh mill-wirt. Injazju kien jgħinhom bil-flus u jitħabtilhom biex isibu impjieg.

Fetaħ dar oħra f'Ruma,  d-Dar ta' Santa Marta, biex fiha jgħixu x-xebbiet li kienu daqu l-ħajja mtajra u li issa riedu jibdlu ħajjithom biex jibdew jgħix ħajja safja.

Qala' minn għand l-Awtoritajiet civili ta' Ruma il-permess biex il-morda gravi jkun jista' jidħol għandhom tabib, kemm jekk ikunu Insara prattikanti, u kemm jekk le. Għax dak iż-żmien it-tabib ma kienx  jista' jinvistahom jekk ma jkunu tqarbnu fiż-żmien ta' l-Għid.

Erħilu, mbagħad, jitkarrab u jħeġġeġ lil ħbiebu l-għonja biex jgħinuh jiftaħ skejjel b'xejn għal dawk l-istudenti foqra li riedu jistudjaw biex jidħlu f'xi seminarju jew fil-Kumpanija. Mhux ta' b'xejn, għal dan it-tħabrik soċjali għall-foqra, bdew isejħulu l-Appostlu l-Ġdid ta' Ruma.

Bagħat żewġ Ġiżwiti, lil Bellarminu u lil Pietru Kanisju,biex jieħdu parti attiva fil-Konċilju ta' Trentu. Saħansitra bagħat fl-Ingilterra Ġiżwiti mħarrġa, libsin ta' pajżana, biex jerġgħu jġibu lura lil dawk l-insara li kienu tilfu l-Fidi.

Fl-Italja, minn Venezja fin-nord sa Messina fi Sqallija, fetaħ għoxrin kulleġġ biex fihom iħarreġ minn fost il-lajċi kapijiet ta' prinċipji insara. Diġa' kellu l-pjan li f' Malta jiftaħ kulleġġ li fih jistudjaw l-Għarbi biex ikunu jistgħu jaħdmu fost il-Misilimin. Dan il-kulleġġ di fatti nfetaħ wara l-mewt ta' Injazju. Kien jismu l-Collegium Melitense fil-belt Valletta, u li minnu mbagħad ħarġet l-Universita' ta' Malta li għad għandna sa llum.

Il-fjur il-fjur kien jibgħathom bħala Missjunarji fl-artijiet tal-Lvant Imbiegħed u  l-iżjed fl-Amerka t' Isfel li dak iż-żmien kienet qed tiġi kolonizzata mill-Ispanjoli u l-Portugiżi.

Fil-Kongregazzjoni Ġenerali ta' l-l551,li ltaqgħt biex tapprova l-Kostituzzjonijiet, talab lid-Delegati biex jirriżenja minn Ġeneral għal raġunijiet ta' saħħtu. Imma d-Delegati ma laqgħux it-talba tiegħu u kellu jkompli jmexxi l Kumpanija bħala Ġeneral sakemm miet fil-31 ta' Lulju ta' l-1556. Kellu 65 sena.

F'mewtu, il-Kumpanija kienet tgħodd ftit iżjed minn   1000 ruħ, imqassmin f'aktar minn  100  dar, fi 12- il Provinċja.

Ġie ddikjarat Beatu mill-Papa Pawlu Ħamsa fis-27 ta' Lulju 1609 u ddikjarat Qaddis mill-Papa Gregorju Ħmistax fit-12 ta' Marzu, 1622. Fl-1922, ġie magħżul bħala l-Patrun Speċjali ta' l-Eżerċizzi Spiritwali u ta' l-Irtiri. Illum, il-Kumpanija li hu waqqaf tgħodd aktar minn 20000 ruħ u għadha timxi fuq il-passi ta' dan l-għażiż Missierha.

facebook youtube twitter flickr